Nhar it-Tnejn, il-Papa Emeritu Benedittu XVI ammetta li kien preżenti f’laqgħa fl-1980 li fiha ġie diskuss saċerdot akkużat b’abbuż sesswali.

Huwa qal li ċ-ċaħda tiegħu aktar kmieni ġiet minn żball fl-editjar tal-istqarrija tiegħu.

Investigazzjoni indipendenti dwar abbuż mill-kleru Kattoliku fl-Arċidjoċesi ta’ Munich, fejn il-Papa Emeritu Benedittu kien Arċisqof mill-1977 sal-1982, il-ġimgħa li għaddiet uriet li kien preżenti.

L-ammissjoni waslet fi stqarrija lill-Aġenzija Kattolika tal-Aħbarijiet permezz tas-segretarju privat tiegħu l-Arċisqof Georg Gänswein, li qal li l-iżball ma sarx b’intenzjoni malizzjuża iżda riżultat ta’ żball fl-ipproċessar editorjali tad-dikjarazzjoni tiegħu għall-investigazzjoni indipendenti kkummissjonata mill-Arċidjoċesi ta’ Munich.

Gänswein qal li l-Papa Emeritu Benedittu jiddispjaċih ħafna għal dan u jitlob li jiġi skużat.

Benedittu XVI, magħruf bħala Joseph Ratzinger qabel ma sar Papa, qed jippjana li joħroġ stqarrija dettaljata fil-jiem li ġejjin, qal Gänswein, u żied li Benedittu talab biex wieħed jifhem li r-reviżjoni sħiħa tar-rapport ta’ 1,900 paġna għadha teħtieġ iż-żmien.

Fl-istqarrija ntqal li dak li qara mir-rapport s’issa, jimlieh b’mistħija u uġigħ minħabba t-tbatija kkaġunat fuq il-vittmi.

Benedittu, li llum għandu 94 sena, sar l-ewwel Papa f’sekli sħaħ li rriżenja meta ċeda fl-2013. Il-mandat tiegħu kien imtappan minn skandlu globali ta’ abbuż sesswali fil-Knisja Kattolika, u s-sejbiet tal-investigaturi, li issa jimplikawh direttament f’nuqqas li jipprevjeni u jieħu azzjoni dwar l-akkużi ta’ abbuż, jheddu li jħassru r-reputazzjoni tal-Papa Emeritus.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks