Il-Papa Franġisku appella lill-ġenituri biex qatt ma jikkundannaw lil uliedhom.
Fl-udjenza ġenerali tiegħu tas-26 ta’ Jannar fis-Sala Pawlu VI tal-Vatikan, il-Papa appella lill-ġenituri biex jitolbu lil San Ġużepp għall-għajnuna, inklużi dawk li wliedhom huma b’orjentazzjonijiet sesswali differenti.
Huwa kien qed jitkellem dwar l-uġigħ li jista’ jkollhom il-ġenituri meta jiffaċċjaw il-problemi ta’ wliedhom, skont hu fosthom dawk il-ġenituri li wliedhom huma b’orjentazzjonijiet sesswali differenti.
Dan qed jiġi meqjus bħala pass ieħor mill-Papa Franġisku b’intenzjoni ta’ turija ta’ sapport lejn persuni li huma parti mill-komunità LGBTIQ+.
Saħaq li l-ġenituri għandhom jissapportjaw lil uliedhom u ma jinħbewx wara attitudni ta’ kundanna.
Il-katekiżmu Kattoliku jgħid li l-atti omosesswali huma “intrinsikament diżordinati” u s-sena l-oħra l-Papa Franġisku approva digriet li jipprojbixxi lill-qassisin milli jżewġu koppji omosesswali, li ddikjara li Alla “ma jistax ibierek id-dnub.”
Madanakollu, il-Papa Franġisku esprima l-appoġġ tiegħu għal-liġijiet tal-unjoni ċivili għall-koppji tal-istess sess f’diversi okkażjonijiet.
