Il-kantant Geo Debono u l-mara tiegħu Deborah, il-grupp ta’ kantanti femminili MARA kif ukoll il-kantanti Janvil u Michela Galea se jkunu fost il-mistiedna ewlenin fil-programm tal-lejla ta’ The Entertainers, il-varjetà televiżiva tas-Sibt filgħaxija, li jixxandar fuq Net TV kull nhar ta’ Sibt fit-20.30.
Bi preżentazzjoni ta’ Corazón Mizzi din il-ġimgħa The Entertainers iwasslilkom sagħtejn u nofs ta’ spettaklu b’divertiment garantit flimkien mal-band residenti mmexxija minn Mark Spiteri Lucas u bosta artisti mistiedna. Fuq kollox ir-rebħ ta’ rigali kbar u mill-isbaħ.
Minn dan l-istaġun The Entertainers qed jiċċelebra memorji minn deċennji li għaddew u li llum huma biss tifkiriet. F’dan il-programm imiss is-snin 50 u s-snin 70.
Minbarra l-mużika, l-ingredjenti ewlenin wara s-suċċess tal-programm, ikompli l-logħob bejn il-mistiedna li żgur għandhom iqanqlu tbissima fuq fomm it-telespettatri.
Din il-ġimgħa titkompla l-ewwel fażi tas-seba’ edizzjoni ta’ The Entertainers Singing Challenge.
Attrazzjonijiet oħra jinkludu l-Cocktail Bar ma’ James Aquilina, Fashion Time b’pariri siewja dwar il-moda femminili minn Josette Sciberras.
