Issa x’kellu jaqbad jagħmel?
U dak il-ħin, ħass l-għaraq ħiereġ mill-pali ta’ jdejh bl-inkwiet! Tgħid kienet hi jew le? Imma lil tal-ħanut…………….
U dak il-ħin raha!
Ħarġet!
Beda jidħak waħdu qisu wieħed fidil.
Mara kemmxejn magħmula kbira, xagħarha folt kulur il-qastan, nuċċali ppuntat fil-ġnub, liebsa libsa skura kienet għadha kemm xirfet minn ġo dak il-bini b’bukkett fjuri f’idejha!
U l-fjuri…………il-fjuri ta’ din kienu ħomor!
Mingħajr ma qagħad jaħsibha darbtejn, ħareġ minn ġol-karozza, ġera lejn in-naħa tat-triq fejn kienet qiegħda din il-mara, rassha mal-ħajt u b’leħen għoli beda jgħajjarha kemm jiflaħ!
Xi nies li kienu fit-triq, skantaw iħarsu lejhom.
Lanqas fetħet ħalqha! Kienet tidher li twerwret minnu! U nħasdet mhux ftit!
“Smajt x’għidtlek?!” kompla jgħidilha b’leħen għoli, mimli mibgħeda.
Għal mument, kellu aptit jilgħabhielha ġo wiċċha, imma hu ma kienx raġel tal-vjolenza.
Hekk!
Hekk ma kinitx se terġa’ ċċempillu u ddejqu żgur!
U mela…………wiċċ imb’wiċċ! Mela toqgħod tinħeba wara t-telefon!
U malli telaq, ħass sodisfazzjon enormi!
Kien neħħa balla minn fuq l-istonku!
Mexa lejn il-karozza, injora n-nies kollha li kienu għadhom kollha kemm huma ċċassati minn kull angolu tat-triq u telaq ‘il bogħod.
L-ewwel post li mar, kien ħdejn Cedric.
“Ara x’għandi nħallsek ta’ dak il-bukkett fjuri ħomor!” qallu Neil.
“Eeeehhhhhh iva…………..imma se nnaqqaslek xi ħaġa mill-prezz, sieħbi,” wieġbu dak.
“U għala………?” qallu Neil.
U iva, l-importanti li kien taha ħasla kif kien imiss!
Lil Agnes.
Agnes Abela.
“Għax fjuri ħomor ma kienx fadalli, Neil. Lill-ħabiba kellna nibagħtulha fjuri bojod………..u iva mhux xorta waħda għalik?” staqsih dak.
Fjuri bojod.
Xufftejn Neil bjadu bil-qatgħa.
Mela dik mhux Agnes kienet.
Mhux Agnes Abela!
“Jien bukkett fjuri ħomor tlabtek!” Neil bilkemm felaħ jirrispondih!

Avukata u Awtriċi