Laura Pausini, Alessandro Cattelan u Mika se jkunu l-preżentaturi tal-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena.
Din l-aħbar eċitanti ġiet żvelata lbieraħ waqt it-tieni serata tal-festival ta’ Sanremo, meta t-tliet preżentaturi telgħu fuq il-palk flimkien mal-preżentatur Amadeus eżatt qabel xandira diretta mal-Belt ospitanti tal-Eurovision, Turin fejn ġie pproġetta arloġġ tal-countdown fuq l-ikonika Mole Antonelliana.

Laura Pausini hija possibbilment l-aktar artista Taljana popolari u ppremjata fid-dinja. Hija rebħet erba’ Latin Grammys, Grammy Award u Golden Globe. Fl-2021, hija ġiet nominata għall-Academy Award għall-aħjar kanzunetta oriġinali bil-kanzunetta Io Sì (Seen) mill-film The Life Ahead.
Il-karriera mużikali tagħha teħodha madwar id-dinja kollha, u l-aħħar album tagħha huwa wkoll is-soundtrack għall-film li ħiereġ, Pleasure to Know You.
Alessandro Cattelan huwa magħruf ħafna fl-Italja bħala preżentatur televiżiv għal 20 sena. Ħoloq u ppreżenta diversi programmi, serati ta’ divertiment u introduċa wkoll formati ġodda fl-Italja bħal Total Request Live, Le Iene u X Factor Italy.
F’Marzu, Cattelan se jippreżenta programm ġdid fuq Netflix, Alessandro Cattelan: Una Semplice Domanda (Mistoqsija waħda sempliċi). Fil-programm, se jkun qed iwassal intervisti u esperjenzi uniċi ma’ diversi personalitajiet popolari.
Michael Holbrook Penniman Jr. huwa kantawtur, artist, entertainer tat-televiżjoni u r-radju, disinjatur u illustratur.
Ilu magħruf bħala Mika mill-2007, meta kien fil-quċċata tal-klassifika mużikali fir-Renju Unit bil-kanzunetta Grace Kelly, li saret popolari ħafna fid-dinja fi żmien qasir. Ġew mibjugħa aktar minn 3 miljun kopja tal-kanzunetta madwar id-dinja, u l-album ted-debutt tiegħu Life In Cartoon ikklassifika mill-ewwel fin-numru wieħed fir-Renju Unit u 11-il pajjiż ieħor, u ġew mibjugħa aktar minn 7 miljun kopja madwar id-dinja.
Is-66 edizzjoni tal-Malta Eurovision Song Contest se jsir fl-10, it-12 u l-14 ta’ Mejju fil-Pala Olimpico f’Turin, l-Italja.
