Aktar kmieni llum, id-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mit-Tnejn li ġej sal-bidu tas-sajf se jitneħħew il-maġġoranza tar-restrizzjonijiet tal-Covid-19 li qiegħdin fis-seħħ.

Filwaqt li fakkar l-aħbar li mill-aħħar ta’ April u bidu ta’ Mejju se jkunu jistgħu jibdew isiru l-festi fil-bliet u l-irħula b’mod responsabbli imma wkoll b’mod li jixbah ħafna lil dak li konna mdorrijin bih fis-snin li għaddew, kif ukoll l-aħbar li l-Karnival se jsir f’Mejju bl-istess mod, il-Ministru Chris Fearne ħabbar li minn nhar it-Tnejn li ġej 7 ta’ Frar se jiġi estiż il-ħin tal-viżitaturi fl-isptar Mater Dei.

Minn nhar it-Tnejn ukoll se titneħħa l-miżura tal-ammont ta’ nies miġbura f’residenza privata. Sal-lum kien limitat sa 4 households, issa se titneħħa kompletament.

Ħabbar ukoll li mit-Tnejn li ġej il-Gvern Malti se jibda jagħraf iċ-ċertifikati tat-tilqim mill-Ġordan u l-Maldivi.

Mill-14 ta’ Frar, dawk il-persuni li jkollhom ċertifikat tat-tilqim validu u jkunu ġejjin minn pajjiż li huwa kklassifikat bħala dark red, il-perjodu ta’ kwarantina li jeħtieġu li jagħmlu se jonqos minn 14 għal 10 ijiem.

Il-kwarantina ta’ dawk li jkunu ġejjin minn barra biex jaħdmu f’Malta u għad m’għandhomx permess ta’ residenza f’Malta issa tista’ tibda ssir f’residenza fissa minflok f’lukanda. Il-lukanda se tkun qed tintuża biss għal dawk li jiġu Malta għal perjodu qasir u m’għandhomx residenza fissa.

B’effett immedjat, it-tfal kollha ta’ bejn il-5 u l-11-il sena li jkollhom iċ-ċertifikat tat-tilqim biż-żewġ dożi se jkunu jistgħu jivvjaġġaw mingħajr il-ħtieġa tat-test tal-PCR.

Ħabbar ukoll li mill-21 ta’ Frar se tiġi indirizzata l-mod ta’ kif issir il-kwarantina. Jekk is-sitwazzjoni attwali tibqa’, il-kwarantina ta’ dawk li jkollhom kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi se tonqos minn 7 għal ħamest ijiem.

Dan se jkun japplika wkoll għal tfal li jkunu mlaqqma u jkollhom lil xi ħadd pożittiv fil-klassi.

Mill-1 t’April, in-numru ta’ persuni bilqiegħda f’tieġ se jibqa’ l-istess, dak ta’ 500 persuna mlaqqma kompletament iżda se jkun jista’ jsir ukoll b’persuni bilwieqfa sa massimu ta’ 300 persuna mlaqqma kompletament.

Jekk is-sitwazzjoni tibqa’ sejra kif inhi issa, fix-xhur li ġejjin se jkomplu jitneħħew aktar restrizzjonijiet fuq avvenimenti organizzati u night clubs.

Il-Ministru Chris Fearne fakkar li minn nhar it-Tnejn li ġej iċ-ċertifikat tat-tilqim mhux se jibqa’ obbligatorju għar-ristoranti, snackbars u każini.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks