Bħalissa, għaddejja ħidma intensiva ta’ salvataġġ għal tifel ta’ 5 snin li ilu dawn l-aħħar erbat iljieli maqbud ġo bir.

Il-ħaddiema tas-salvataġġ fit-Tramuntana tal-Marokk ilhom iħaffru biex jippruvaw jilħqu lit-tifel li nqabad fil-qiegħ ta’ bir b’fond ta’ 32 metru wara li waqa’ għal isfel it-Tlieta billejl.

Fl-aħħar sigħat ġie rrappurtat li l-ħidma ta’ salvataġġ waslet fl-aħħar stadji tagħha u resqin aktar lejn il-possibilità li t-tifel, bl-isem ta’ Rayan, jiġi salvat. Fil-fatt, il-midja lokali llum irrappurtat li l-ħaddiema ta’ salvataġġ issa jinsabu 1.8m ‘il bogħod mit-tifel.

L-operazzjoni ta’ salvataġġ ilha għaddejja jiem sħaħ, u eluf inġabru fuq il-post.

Missier Rayan kien qed isewwi xi ħsarat fil-bir fil-ħin tal-inċident, u qal li hu u omm Rayan jinsabu inkwetati ħafna. Huwa qal li dik is-sekonda li neħħa għajnejh minn fuqu, it-tifel waqa’ fil-bir, u stqarr li għadu ma raqadx sekonda.

Waqt li tkellmet mal-midja, bid-dmugħ f’għajnejha omm Rayan qalet li l-familja kollha ħarġet tfittex lit-tifel sakemm imbagħad indunaw li kien waqa’ fil-bir. Hija qalet li għadha tittama li t-tifel joħroġ mill-bir ħaj

Filmati minn kamera mniżżla fil-bir, nhar il-Ħamis urew li t-tifel kien ħaj u f’sensih, għalkemm jidher li qed isofri minn xi ġrieħi ħfief f’rasu.

Il-ħaddiema tas-salvataġġ niżżlu maskra tal-ossiġnu, ikel u ilma fil-bir u tim mediku jinsab ukoll fuq il-post, lest biex jikkura lit-tifel.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks