Select Page

Waħda mill-kwistjonijiet ewlenin f’pajjiżna li ħafna jsostnu fuqhom hija dik li minkejja l-potenzjal u t-talent, ix-xogħol tal-artisti Maltin mhuwiex apprezzat biżżejjed u ma jiġix meqjus bħala professjoni bħall-kumplament tal-professjonijiet l-oħra.

Uħud isostnu li din il-mentalità tirrifletti l-isfidi li l-artisti Maltin ilhom jiffaċċjaw għal snin twal, u li għadhom għaddejjin sal-ġurnata tal-lum, prinċiparjament minħabba li l-qasam tal-arti ma jingħatax prijorità kif xieraq mill-istat.

Is-serata tal-Malta Film Awards li ttellgħet riċentament qanqlet bosta reazzjonijiet u kritika minn numru ta’ artisti, li wħud minnhom saħansitra ma daħħlux ix-xogħlijiet tagħhom biex iwasslu messaġġ.

Fost diversi kwistjonijiet li qajmu kontroversja fuq din is-serata kienet dik li ħafna ħassew li ma kienx ġust il-fatt li ntefqu ammont kbir ta’ flus fuq serata meta n-nuqqas ta’ investiment fl-artist innifsu għadha waħda mill-problemi kbar f’din l-industrija.

skoperta.net għamel kuntatt mal-artista Angele Galea, u qasmet magħna l-ħsibijiet tagħha fuq dan.

Angele qalet li tawgura li l-wegħda li l-investiment isir aktar fl-artisti milli fix-shows tinżamm, għaliex huwa investiment għaqli meta tinvesti fl-artisti.

Hija qalet li l-artisti jafu jippreżentaw storja f’diversi forom li tista’ tiġi ppreżentata fosthom sensiliet televiżivi u films.

“Investiment f’dan it-tip ta’ arti jista’ jgħin biex pajjiż ikun aktar sostenibbli, għaliex int qed tinvesti fit-talenti tan-nies li jgħixu fil-pajjiż u qed toħloq interess kull fejn tesporta l-istorja”

Angele Galea

Angele spjegat kif films bħal Simshar u Luzzu, li t-tnejn li huma jittrattaw dwar stejjer li ġraw Malta minn nies Maltin, huma reklam sabiħ ħafna għal Malta minkejja li jkunu qed jittrattaw kull aspett tal-pajjiż, kemm dak ħażin kif ukoll tajjeb.

Fid-diskors tagħha, Angele irreferiet għall-investiment li sar mill-Ministeru tal-Kultura tal-Korea fl-1997 minħabba l-kriżi finanzjarja li kienu għaddejjin minnha.

Hija qalet li minħabba li għarfu li għandhom jinvestu fl-istory tellers, irnexxielhom mhux biss jippromwovu mad-dinja dak kollu li hu Korean imma wkoll qed jiġbdu lejn il-Korea investimenti ġodda, turiżmu, interess anke fil-lingwa u fil-prodott li jipproduċu huma. Żiedet tgħid li dan kollu ħareġ mill-investiment li sar dak iż-żmien u għadu għaddej sal-lum fl-artisti tagħhom.

“… Għandna tant artisti tajbin f’Malta, u lesti, u ħerqana, għaliex ma ninvestux aktar fihom?”

Angele Galea

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks