Select Page

Il-ħoss tax-xita nieżla minn barra kamarti kienet twennisni. Kont inħoss li kien hemm xi ħaġa li kienet tgħaqqadna.
Lili.
U lilek.
Għalfejn ma kontx bħall-bniet l-oħra tal-iskola li kienu fil-klassi tiegħi? Kull sena, meta konna ntellgħu reċta flimkien, bl-għajnuna tal-għalliema tagħna, kont narahom kollha ferħana. Kont narahom kif kienu jħarsu lejn uliedhom. Kienu jkunu kburin bihom. U int ma kontx tkun hemm.
Int qatt ma kont tkun hemm.
Naf. Naf li kien ikun hemm ommi. Lilha kont naraha titbissem. Kont naraha tifraħ xħin kienet tarani u xxejjirli ħalli turini li kienet tkun hemm.
Hi biss.
Waħedha.
“Mia, il-papà ma jistax jiġi. Taf……..” kienet tgħidli. “Taf li l-papà tiegħek qiegħed jiġġieled fil-gwerra. Imma toqgħodx imdejqa. Daqt tispiċċa l-gwerra……….u tara, tara kif ma jdumx ma jiġi lura!”
Kien ilu snin li telaq. Kont inħoss nuqqas kbir tiegħu. Darbtejn fis-sena biss kien jiġi jarana. F’għeluq snini u fil-ġurnata tal-Milied. Ma tantx kont ingawdih. Kien jiġi, jgħaddi jumejn magħna u jerġa’ jitlaq lura.
U kull darba………
Kull darba kien iħalli vojt kbir.
Vojt kbir warajh. Akbar minn ta’ qabel.
F’kamarti kelli kalendarju mdendel ma’ granpun tal-ħadid, nofsu mdaħħal fil-ħajt, f’kamra kważi vojta. Kont nimmarka l-ġranet kuljum. U dawk il-jumejn speċjali………..dawk kienu jkunu mdawrin bi ċrieki ħomor. Dawk il-ġranet li kien ikun ġej hu.
Missieri.
“Mamà, xahar ieħor il-Milied,” kont għidt lil ommi xi ġranet ilu.
U hi kienet ħarset lejja b’għajnejha jleqqu. Anke hi kienet tħoss in-nuqqas. Imma ma tantx kienet turi. Kont nismagħha tibki waħedha fis-sodda. Kont nismagħha tqalleb fir-ritratti u naqbadha timsaħ id-dmugħ minn fuq ħaddejha.
“Mia……” kien qalli meta kien ġie s-sena ta’ qabel, f’għeluq is-sitt snin tiegħi. Kien xtrali ħafna ġugarelli u għannaqni miegħu. Dejjem kien iġibli xi ħaġa miegħu. “Ejja, ħalli ngħallmek tiżfen il-valz.”
“Il-valz x’inhu?” kont staqsejtu jiena b’għajnejja kbar, kbar, hekk kif bdejt ngħaffeġ id-drapp tal-libsa li kelli fuqi. Kont qed inħossni skomda. Għax jiena ma kontx naf niżfen. U ma ridtx naqta’ brutta figura quddiem missieri!
Dawwart ħarsti lejn il-kejk li kien għad hemm fuq il-mejda, bix-xemgħat mitfijin, nofsu mikul u n-nofs l-ieħor lest għal ġol-friġġ. Ma kienx żmien il-ħela. Kont naf li ommi kienet marret għand Duminku l-furnar sabiex tagħmlu hi stess b’idejha.
“Żifna. Żifna waħda. Ejja ħalli niżfnu jiena u inti,” kien qalli b’dak il-leħen sod, li kien jagħtini sensazzjoni ta’ paċi u mħabba.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks