F’messaġġ li jimmarka s-70 anniversarju mir-renju tagħha, ir-Reġina qalet li hija x-xewqa sinċiera tagħha li meta binha, il-Prinċep Charles isir Re, il-mara tiegħu Camilla jkollha t-titlu ta’ Reġina.
Meta l-Prinċep Charles iżżewweġ lil Camilla fl-2005, il-koppja ħabbret li l-intenzjoni kienet li Camilla tkun magħrufa bħala Prinċipessa minkejja li kellha dritt għat-titlu ta’ Reġina. Dan kien meqjus bħala rikonoxximent tas-sensittivitajiet dwar titlu li kien iddestinat għall-ewwel mara ta’ Charles, Diana. Hija l-istess raġuni li Camilla ma tużax it-titlu ta’ Prinċipessa ta’ Wales.
Ir-Reġina tkun mistennija tikkonsulta lill-eredi tagħha Charles u William qabel tagħmel avviż bħal daqshekk sinifikanti dwar it-titli, li jissuġġerixxi li t-tnejn qablu u ħassew li l-pubbliku Ingliż lest biex jaċċetta lil Camilla bħala Reġina.
“U meta jasal iż-żmien, li ibni Charles isir Re, naf li se tagħtu lilu u lil martu Camilla l-istess sapport li tajtu lili, u hija x-xewqa sinċiera tiegħi li meta jasal dak iż-żmien, Camilla tkun magħrufa bħala Reġina hekk kif tkompli bis-servizz leali tagħha.”
Ir-Reġina Eliżabetta II
Ir-Reġina hija l-ewwel monarka Ingliża li ċċelebrat is-70 anniversarju ta’ renju msejjaħ Platinum Jubilee.
Hija qattgħet il-ġurnata tagħha privatament fil-proprjetà ta’ Sandringham. Ċelebrazzjonijiet nazzjonali se jsiru f’Ġunju li ġej
Ir-renju tar-Reġina beda meta kellha 25 sena, wara l-mewt ta’ missierha, Ġorġ VI, fis-6 ta’ Frar tal-1952.
Il-monarka qalet li, 70 sena wara, dik il-ġurnata hija waħda li tibqa’ tiftakar, kemm għall-mewt ta’ missierha kif ukoll għall-bidu tar-renju tagħha.
Ir-Reġina, ta’ 95 sena, esprimiet il-gratitudni tagħha għas-sapport u l-lealtà li ngħatat min-nazzjon.
Dan l-anniversarju huwa l-ewwel wieħed għar-Reġina mingħajr żewġha, id-Duka ta’ Edinburgu, li miet is-sena l-oħra. Hija rrimarkat dwar kemm kisbet sapport mingħandu.
