Select Page

M’ilux fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħi ipproponejt ideat għall-Knisja Kattolika aktar relevanti. Dawn l-10 ideat nibtu (anke jekk mhux verbatim) minn konverżazzjoni li kelli ma’ Fr Ray Francalanza, agostinjan u nies oħra, xi wħud qrib il-Knisja u oħrajn mhux daqstant.

Irridu nibdew billi nirrikonoxxu li l-Knisja f’Malta kienet istituzzjoni li diversi drabi poġġiet lilha nnifisha f’dilemma. Tul l-istorja l-iffukar tal-Knisja tbandal minn wieħed spiritwali, għażla ta’ stil ta’ ħajja, mument ta’ komunità għal mumenti fejn ir-rwol tagħha sar oppressiv, esklussiv u selettiv kultant anke b’pożizzjonijiet politiċi li ħallew ħafna ħsara li għadha tinħass, xi ftit minnha, sal-lum il-ġurnata.

Però, nemmen li l-Knisja tinħtieġ terġa’ ssir forza soċjali – mhux ‘tisforza’ lilha nnifisha fuq is-soċjetà imma għandha bżonn tkun vuċi f’soċjetà fejn il-valuri ġew rashom ‘l isfel.

Qed nitkellem hekk għax jien sirt xi devot? Ir-risposta hija LE. Mhux hekk biss, jien inqisni agnostiku, ma mmurx Knisja u ma nemminx f’alla li għandu ‘pjan għalina’ u fl-istess ħin dan alla jippermetti li n-nies ibatu intortament, li hemm min ifieq u hemm min le, li hemm il-mirakli għal xi wħud u għall-oħrajn le, li hemm xi forza li tmexxina hi u dawn l-affarijiet kollha.

Imma, madankollu ‘l-għada’ tas-sekularizzazzjoni f’dan il-pajjiż ninsabu iltima minn vuċi li magħha nistgħu nillitikaw, ma naqblux u nħabbtu l-ideat. Forsi dan ir-rwol sa ċertu punt qed tipprova tagħmlu l-midja u nittama l-akkademja wkoll imma xorta jibqa’ l-fatt li l-Knisja bħala forza soċjali tibqa’ relevanti u importanti.

Li jmiss issa huwa li toħroġ minn taħt l-art għax donnha aktar iffisata fil-political correctness u l-politika interna, milli ssalva l-frak ta’ dak li kien jagħmel sens qabel – milli tkun leħen ieħor f’dak li qed jiġri madwarna, ta’ dak li qed jiġri llum.

  • Il-knisja trid tinduna bit-tajjeb li għandha, bl-assets li għandha imma anke bix-xquq li għandha – jekk ma tħarisx lejn dak li għattanha mhux ħa tkun tista’ ssir vuċi relevanti.
  • Il-knisja għandha bżonn tadotta l-lingwaġġ li jinftiehem, kemm minn fuq l-ambone kif ukoll fil-konverżazzjoni tal-knisja man-nies, fil-lingwaġġ użat fit-talb għal-lingwaġġ li jintuża permezz tal-imġiba, f’kelma waħda, lingwaġġ mhux ‘il bogħod min-nies imma vuċi viċin il-ħajja tan-nies.
  • Il-knisja għandha bżonn tirrealizza li l-valuri nsara m’għadhomx ‘il-valuri esklussivi’ imma issa hemm firxa ta’ valuri oħra li qed jinbtu ġos-soċjetà tagħna li ġejjin minn għejjun oħra, xi wħud tajbin oħrajn anqas – din l-idea li ‘tagħna biss huwa tajjeb’ hija ħmerija grassa li tirriskja tpoġġi lill-knisja fuq pedestal li anqas u anqas nies iħarsu ‘l fuq lejhom.
  • Il-ħajja sagramentali fil-knisja f’xi waqtiet saret ekwivalenti għal kult fejn ir-ritwali ma jirreżonaw xejn mal-ħajja ta’ kuljum, knisja mhedija fir-ritwali ‘l bogħod mill-ħajja ‘on the ground’ – ritwali li jistgħu jsiru aktar aljenazzjoni milli soluzzjoni, knisja li trid titbiegħed mill-fissazzjonijiet li forsi fl-imgħoddi kienu jgħoddu.
  • Il-knisja trid tisma’ l-vuċi soċjali tagħha stess u tgħix f’dawn il-proġetti u mhux ġo binjiet vojta u bla ruħ.
  • Il-knisja trid tindirizza l-kriżi kbira ta’ vokazzjonijiet, kriżi li ġejja minn stil ta’ ħajja li m’għadux jappella u fejn n-nies qed iħossu li jistgħu jkunu ta’ servizz f’forom oħra – imma l-knisja donnha tippersisti b’ dan il-mudell.
  • Kultant fil-knisja flok ‘il-ħasil tar-riġlejn’ hemm atteġjament li kważi kważi aktar jixraq lir-realtajiet ta’ żmien il-medjuevu milli attitudni ta’ qaddejja.
  • Il-knisja tgħabbiet b’ħafna regoli li spiċċat tgħaqqdet f’saqajha.
  • Il-knisja trid ixxandar l-evanġelu fl-integrità tiegħu, u mingħajr ma tħalli barra dak li ma jdoqqx għal widnejn in-nies (ħobb lill-għadu; tisraqx; toqtolx, tassassinax il-karattru eċċ) iżda b’mod li hu attraenti u b’lingwaġġ li jinftiehem mill-ġenerazzjonijiet li tkun qed tipprova tilħaq.
  • Il-knisja għandha tirrikorri għad-dokument validissmu ‘Il-Wiċċ diġital tal-Mulej’ li ħareġ fl-2008 u għadu relevanti u bażi tajba ħafna ‘l fejn trid tmur il-midja tal-knisja.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks