Raġel paralizzat bi ksur fis-sinsla ta’ dahru, seta’ jerġa’ jimxi bl-għajnuna ta’ tagħmir elettroniku żviluppat minn tim ta’ riċerkaturi Żvizzeri.

Michel Roccati tilef l-abilità li jimxi wara inċident bil-mutur fl-2017. Is-sinsla ta’ dahru kienet kompletament miksura u m’għandu l-ebda sensazzjoni f’saqajh.

Wara 5 snin, issa jista’ jimxi bl-għajnuna ta’ tagħmir elettroniku li ġie mwaħħal mas-sinsla ta’ dahru permezz ta’ intervent mediku

Din hija l-ewwel darba li xi ħadd li kiser ix-xewka ta’ dahru rnexxielu jerġa’ jimxi.

Roccati kien wieħed minn tliet irġiel ta’ bejn id-29 u l-41 sena li ħadu sehem f’dan l-istudju kliniku bl-isem ta’ STIMO, immexxi minn Dr Jocelyne Bloch mill-isptar universitarju ta’ Lausanne u Grégoire Courtine tal-Istitut Federali Żvizzeru tat-Teknoloġija. Ir-riżultati tal-istudju ġew ippubblikati nhar it-Tnejn fil-ġurnal Nature Medicine.

B’din it-teknoloġija huwa possibbli li jintbagħtu sinjali mill-moħħ għar-riġlejn, u filwaqt li meta jkun hemm ksur fis-sinsla tad-dahar, is-sinjali ħafna drabi jkunu dgħajfa wisq biex joħolqu moviment, din it-teknoloġija s-saħħa dawn is-sinjali u b’hekk persuna paralizzata tkun tista’ timxi.

L-istess teknoloġija tejbet is-saħħa ta’ pazjent paralizzat ieħor sal-punt li seta’ jsir missier.

Ir-riċerkaturi qed jenfasizzaw li din mhix kura għall-ksur tas-sinsla tad-dahar u li t-teknoloġija għadha wisq ikkumplikata biex tintuża fil-ħajja ta’ kuljum, iżda madankollu qed iqisuha bħala pass ewlieni biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja.

S’issa disa’ persuni li sarilhom dan l-intervent reġgħu kisbu l-abilità li jimxu, u minħabba f’dan l-istadju huwa wisq kmieni li jużaw din it-teknoloġija fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom, qed jużawha biex jipprattikaw il-mixi, u biex iħaddmu u jsaħħu l-muskoli.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks