“X’ħasra, brava tant! Kif għadek bla xogħol?”

Il-Malti jgħid li x-xogħol hu s-salmura tal-ġisem, u vera hekk hu għax mill-esperjenza tiegħi, fejn għamilt 12-il sena nfittex xogħol mingħajru ħassejtni qed ngħix bla skop. Qisni ma kontx qed nikkontribwixxi u nagħti xi ħaġa lis-soċjetà. Użajt il-kelma ‘qisni’ għax jien nagħmel ħafna xogħol volontarju, imma donnha s-soċjetà tħares lejn il-volontarjat bħala xogħol tat-tieni klassi.

Matul dawk it-12-il sena li domt infittex xogħol, kont nieħu qatgħa niltaqa’ ma’ nies ġodda. Waħda mill-ewwel mistoqsijiet li jistaqsuni kienet x’naħdem. Kont nirrabja u niddejjaq ħafna, għax meta kont ngħid li ma naħdimx, kont nisma’ kummenti bħal “x’ħasra, brava tant! Kif għadek bla xogħol?” Meta ħa nirrealizzaw li l-bniedem mhux magħmul biss mix- u għax-xogħol li jagħmel? Meta ħa jasal iż-żmien meta nibdew nifirdu l-potenzjal tal-persuni rrelevanti mix-xogħol li tagħmel?

Qed ngħid dan, għax ma kienx tort tiegħi li ma stajtx insib xogħol, jien bdejt nagħmel kulma nista’ biex insib, iżda kienet is-soċjetà li lili ma bdietx tagħtini ċans u toffrili kulma kelli bżonn biex inkun nista’ naħdem. Dak iż-żmien, li kont bdejt infittex xogħol, il-kunċett tat-teleworking hawn Malta kien għadu kemm beda dieħel. Minħabba li għandi diżabilità fiżika kiien essenzjali għalija li jien naħdem bit-teleworking. Sibt ħafna bibien magħluqa u kieku ma sibtx l-għajnuna ta’ ħbieb tiegħi biex insib xogħol, kieku probabbli għadni bla xogħol sal-lum.

Dan kollu nattribwih bħala ħtija tas-soċjetà inġenerali. Għaliex nitfgħu lil kulħadd f’keffa waħda u noħolqu sistemi tal-one size fits all, fejn imbagħad min ma jikkonformax magħhom jitħalla barra u jiġi ttimbrat bħala mhux tajjeb? Meta ħa nibdew naraw il-bżonnijiet ta’ kull persuna u ngħinuha tiskopri s-sbuħija li tħossha utli fuq il-post tax-xogħol?

Illum il-ġurnata ilni 4 snin naħdem bit-teleworking ma’ kumpanija tal-assigurazzjoni. Qiegħda għal qalbi ħafna għax fl-aħħar sibt min jemmen fil-kapaċitajiet tiegħi u kien lest li jisfruttahom. Ovvjament, bħal kull ħaġa oħra fid-dinja li naħdem dejjem mid-dar fiha l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha. Għalija personali, minħabba d-dipendenza totali fuq ħaddieħor fiha aktar vantaġġi.

Uħud minn dawn huma li ma neħtieġ l-ebda tip ta’ trasport biex immur ix-xogħol. Nista’ nqassam il-ħin tax-xogħol, kif inhu komdu għalija u l-akbar vantaġġ ta’ bħalissa hu li qed nevita totalment ir-riskju li nimrad bil-Covid minn fuq il-post tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, l-akbar żvantaġġ li hemm hu li jien kienu rarissimi l-okkażjonijiet fejn fihom iltqajt mal-kollegi li naħdem magħhom. Żvantaġġ ieħor li nsib hu dak tal-komunikazzjoni. Minħabba li ma nkunx preżenti fuq il-post tax-xogħol ma nkunx naf eżattament x’qed jiġri jew inkella b’disvista ġejt minsija. Issa, kemm ilna bis-sitwazzjoni tal-Covid is-sitwazzjoni tjiebet ħafna għax hawn ħafna aktar nies jaħdmu bit-teleworking, u allura l-komunikazzjoni bl-imejls żdiedet sew.

Nemmen li persuna ma taħdimx biss għall-flus u huwa ħażin meta jiġri hekk, għax dak ifisser li persuna ħa tgħaddi ħajjitha kollha mdejqa. Hu importanti li dak li jkun isib dak li jħobb jagħmel u li jtih sodisfazzjon ħalli qatt ma jisħet is-siegħa u l-mument li jkollu jiffaċċja l-ġurnata tax-xogħol li jkollu quddiemu bl-isfidi kollha tagħha. L-għan ewlieni u aħħari tax-xogħol hu li b’dak li nagħmel inkun qed nagħmel differenza pożittiva fil-mod kif ngħix, naħseb u ninteraġixxi ma’ ħaddieħor.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks