Il-plejer tal-futbol Marokkin Abderrazak Hamdallah offra li jixtri dar attrezzata għall-familja ta’ Rayan, it-tifel ta’ 5 snin li miet ftit ġranet ilu wara li għamel erbat ijiem maqbud ġo bir li kien waqa’ fih fil-Marokk.
Hamdallah kien fost l-istilel tal-futbol li esprimew in-niket tagħhom flimkien ma’ politiċi, ċelebritajiet u nies oħrajn għall-mewt traġika taċ-ċkejken Rayan.
Hamdallah ta l-kondoljanzi tiegħu lill-familja ta’ Rayan u żied jgħid li f’isem il-familja tiegħu u f’isem il-Marokkini u l-Musulmani ħass li għandu jgħin u jġib ftit ferħ lill-familja ta’ Rayan.
Huwa ħeġġeġ lill-personalitajiet famużi oħrajn sabiex huma wkoll jgħinu lil din il-familja.
Il-kantanta Marokkina Dounia Batma qalet ukoll li se tkun qed tagħti somma flus lill-familja ta’ Rayan. Filwaqt li qalet li huwa d-dmir tagħha bħala Marokkina li tipprova ġġib tbissima lill-familja tiegħu, hija ħeġġet lil kull min jista’ jgħin biex jagħmel l-istess.
