“Matul l-esperjenza tiegħi bħala studenta tal-Youth & Community Studies, kelli l-opportunità li nkun attiva fi programm ta’ tliet xhur ma’ żgħażagħ b’diżabilità. Din kienet waħda mill-aktar esperjenzi li għallmuni matul il-kors. Meta tikkomunika ma’ żgħażagħ, wieħed jiżviluppa programmi skont l-interessi u l-ideat tagħhom stess.

Bħala voluntiera ħassejtni mgħejuna ħafna, speċjalment permezz ta’ laqgħat ta’ superviżjoni kull xahar, fejn stajt niddiskuti bżonnijiet jew ħsibijiet li seta’ kelli waqt li niċċelebraw is-suċċessi li kellna. Apparti li din kienet esperjenza li għamilt bħala parti mill-istudji tiegħi, kienet ukoll esperjenza li tatni ħafna lura fuq livell personali għax persuni b’diżabilità għandhom ħafna x’jagħtu lura.”

Din hi l-esperjenza li qasmet magħna Claire Custò, studenta tal-Università wara li għamlet esperjenza mas-servizz Sharing Lives bħala parti mill-istudji tagħha. Bħal din l-esperjenza, għandna diversi oħrajn, kemm minn studenti bħal Claire kif ukoll minn persuni u entitajiet li taw sehemhom b’mod volontarju għas-servizz Sharing Lives.

Sharing Lives hu servizz immexxi minn Aġenzija Sapport li l-għan tiegħu hu li jlaqqa’ flimkien persuni b’dżiabilità u volontiera b’għan li jiżviluppaw ħbiberiji u tiżdied l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità fil-komunità.

Għalhekk, il-voluntiera huma strumentali sabiex iwasslu attivitajiet varji jew kuntatt soċjali fuq bażi individwali lil dawn il-persuni b’diżabilità li forsi jkunu qed iħossuhom esklużi minn attivitajiet soċjali, kulturali, sportivi u oħrajn.

Bħalissa Aġenzija Sapport qed tilqa’ applikazzjonijiet minn persuni li għandhom ‘il fuq minn 16-il sena u li jixtiequ joffru ftit mill-ħin tagħhom. Dan jista’ jkun ukoll parti mill-istudji tagħhom fil-livell post-sekondarju jew terzjarju iżda mhux biss. Dawk li jagħmlu 30 siegħa jew aktar, jingħataw ukoll ċertifikat. Il-voluntiera kollha jingħataw superviżjoni u sapport minn professjonisti matul l-esperjenza tagħhom.

Meta persuna tapplika biex tkun voluntiera ssir laqgħa fejn professjonisti mit-tim ta’ Sharing Lives jiltaqgħu mal-persuna sabiex jiddiskutu u jiġi ddeterminat l-aħjar mod kif jingħata l-kontribut tagħha. Wieħed m’għandux għalfejn ikollu esperjenza sabiex jingħaqad mat-tim ta’ voluntiera ta’ Sharing Lives. Flimkien naraw x’inhuma l-abilitajiet u l-interessi kemm tal-voluntiera kif ukoll tal-klijenti, u minn hemm jibdew jiġu diskussi u organizzati inizjattivi b’superviżjoni minn professjonisti.

Min hu interessat li jingħaqad mat-tim ta’ voluntiera ta’ Sharing Lives jista’ jżur is-sit tal-Aġenzija Sapport: www.sapport.gov.mt u japplika onlajn jew iniżżel kopja tal-applikazzjoni, iċempel fuq il-Helpline tal-Aġenzija (Freephone 153 u għafas 5) jew inkella l-uffiċini fuq 2256 8000 (Malta) u 2156 9909 (Għawdex).

Wieħed jista’ wkoll imur fuq il-paġna ta’ Facebook jew Instagram fejn wieħed jista’ jibqa’ aġġornat fuq il-ħidma tal-Aġenzija u l-attivitajiet li qed isiru f’Sharing Lives.

Aġenzija Sapport hi l-aġenzija nazzjonali għal persuni b’diżabilità li toffri numru ta’ skemi u servizzi lil persuni b’diżabilità u familjari tagħhom.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks