Il-Prinċep Charles qiegħed kwarantina wara li rriżulta pożittiv għall-Covid-19, jumejn wara li ltaqa’ mar-Reġina f’Windsor.
Sorsi rjali qed jgħidu li r-Reġina m’għandha l-ebda sintomi tal-Covid-19.
Il-Prinċep Charles irriżulta pożittiv għat-tieni darba il-Ħamis filgħodu.
Nhar l-Erbgħa, hu u martu, id-Dukessa ta’ Cornwell, iltaqgħu mal-Kanċillier Rishi Sunak u oħrajn waqt riċeviment fil-British Museum.
Skont rapporti, Camilla rriżultat negattiva għall-Covid-19. Min-naħa l-oħra, Buckingham Palace ma kkonfermax jekk ir-Reġina rriżultatx pożittiva jew negattiva.
Il-Prinċep Charles kien irriżulta pożittiv f’Marzu tal-2020 u kellu sintomi ħfief.
Minkejja li ġie kkonfermat li l-Prinċep huwa mlaqqam bit-tliet dożi, din id-darba mhux se jingħataw dettalji dwar jekk hux qed iħoss sintomi tal-Covid-19.
