Ħafna jaħsbu li Jum San Valentinu, huwa jum kummerċjali għaliex jemmnu li l-imħabba u l-ġesti ta’ mħabba għandek turihom kuljum u mhux biss f’jum wieħed.
Oħrajn jaħsbu li m’hemm xejn ħażin li wieħed juża dan il-jum bħala opportunità oħra biex tagħmel xi ġest speċjali u ta’ mħabba lill-maħbubin.
Din is-sena ħsibna biex bħas-sena l-oħra, nitkellmu ftit ma’ koppji li ċertament huma familjari magħkom is-segwaċi.
Mil-lum it-12 ta’ April sa nhar it-Tnejn l-14 ta’ Frar, se naraw il-koppji tagħna kif jaħsbuha dwar Jum San Valentinu, kif ukoll niskopru ftit aktar dwar ir-relazzjoni tagħhom.
Christine Haber u Francesco Catania huma l-ewwel koppja tagħna!
Christine u Francesco, kemm ilkom tafu lil xulxin? U kemm ilkom miżżewġin?
Christine u Francesco: Iltqajna l-ewwel darba fl-2007 meta bdejna nattendu De La Salle Sixth Form. Imbagħad wara dawk is-sentejn erġajna ltqajna fl-2011 meta Francesco ġie biex jagħmel l-audition għal Déjà vu. Però bdejna noħorġu flimkien fl-2012. F’Lulju ta’ din is-sena nagħlqu 5 snin miżżewġin.

Kull koppja għandha l-istorja tagħha. Kif iltqajtu?
Christine: Fis-serje Déjà vu, Beth, il-parti li interpretajt jien, ikollha crush fuq Luke, il-parti li interpreta Francesco. Però meta bdejna s-serje konna biss ħbieb u ma kien hemm l-ebda skop ulterjurji għaliex konna biss qed nagħmlu xogħolna. Però maż-żmien iktar ma bdejna nqattgħu ħin bħala grupp aktar bdejna insiru nafu lil xulxin. Jien is-soltu kont inkun jien li nagħmel l-ewwel pass, però Francesco ma kienx staha u kien qalli li nogħġbu u li jixtieq isir jafni aktar allura naħseb li dik kienet diġà xi ħaġa li ġibditni iktar lejh. Imbagħad darba morna naraw il-Malta Eurovision Song Contest flimkien bħala grupp u Francesco ddeċieda li jagħmel l-ewwel pass u biesni u bqajna flimkien!
X’kienet l-ewwel impressjoni li kellkom fuq xulxin?
Christine: L-ewwel darba li tkellimna fil-verità ġġelidna għaliex konna qiegħdin fl-istess grupp naħdmu fuq performance għal attività tal-iskola u filwaqt li jien ridt li kollox ikun perfett u ddixiplinat, Francesco ried jieħu gost fl-istess ħin u kellna xi ngħidu.

Kif kienet l-ewwel date uffiċjali tagħkom?
Christine u Francesco: L-ewwel date uffiċjali tagħna kienet f’Jum San Valentinu tal-2012.
Liema memorji tgħożżu l-aktar mill-ġurnata tat-tieġ tagħkom?
Christine u Francesco: Aħna dejjem ngħidu li nixtiequ li konna mistednin għat-tieġ tagħna għaliex verament preparajnieh minn qalbna. Jiġifieri naħseb li m’hemmx mument partikolari. Ovvjament iċ-ċerimonja kienet waħda emozzjonanti speċjalment għaliex kellna l-opportunità li naqsmu din l-esperjenza mat-tifla Nina.

Ġrat xi ħaġa partikolari dakinhar?
Christine: Meta morna fil-lukanda li fiha konna se nqattgħu l-ewwel lejl tagħna bħala miżżewġin ma stajtx ninża l-libsa għaliex xagħri kien weħel fil-buttuni u fiż-żip tal-libsa. Allura fit-3 ta’ filgħodu Francesco kellu jinżel fir-reception desk iġib imqass … biex iqattagħli l-libsa u jaqtagħli xagħri.

S’issa, liema perjodu kien l-aktar diffiċli u ta’ sfida għar-relazzjoni tagħkom?
Christine: Naħseb li l-iktar żmien diffiċli kien meta konna għadna mhux miżżewġin u Francesco u jien konna għadna ma noqogħdux flimkien imma xorta waħda kellna lil Nina u allura kienet ftit diffiċli biex naqsmu l-piż.
Kien hemm xi esperjenzi partikolari li tħossu li għenu biex ir-relazzjoni ta’ bejnietkom tissaħħaħ aktar?
Christine: Ironikament naħseb li l-pandemija resqitna iktar qrib ta’ xulxin għaliex kellna iktar ċans flimkien. Il-fatt li jiena qiegħda bil-maternity leave għen ukoll f’dan l-aspett.

Xi tpoġġu fiċ-ċentru tar-relazzjoni tagħkom?
Christine u Francesco: It-tfal.
It-tfal tagħkom, Nina u Stella, xi jfissru għalikom? X’impatt għamel ir-rwol tagħkom ta’ ġenituri fuq ir-relazzjoni ta’ bejnietkom?
Christine u Francesco: Kollox. Ngħixu għalihom! Però fl-istess ħin hija stressanti fuq ir-relazzjoni tagħna għaliex għandna responsabilità ta’ żewġ ħajjiet oħra.
X’inhu l-akbar sodisfazzjon tagħkom bħala ġenituri?
Christine u Francesco: Mill-iċken ħaġa sal-ikbar ħaġa … kull ‘milestone’ li jilħqu t-tfal għalina huwa sodisfazzjon għax b’xi mod jew ieħor aħna konna ta’ għajnuna fil-proċess.
Kemm tħossu li huwa importanti li koppja żżomm ir-relazzjoni ħajja, speċjalment bil-preżenza tat-tfal?
Christine u Francesco: Huwa importanti ħafna però b’tifla ta’ sitt xhur hija diffiċli ħafna wkoll. L-iktar ħin li nqattgħu flimkien huwa meta naraw xi film sakemm ma jorqodx xi ħadd minna.

Kif jirnexxilkom issibu bilanċ bejn ix-xogħol, ir-rwol tagħkom ta’ ġenituri u l-ħin ta’ kwalità ta’ bejnietkom?
Christine u Francesco: Nammettu li din hija xi ħaġa li għadna ma skoprejniex.
Christine, x’ġara mis-sorpriża li pruvajt tagħmel lil Francesco sena qabel iżżewwiġtu?
Christine: Sena qabel it-tieġ ridt nagħmel sorpriża lil Francesco. Ħareġ mix-xogħol u sab ittra tistennieh biex jiġi jiltaqa’ miegħi ġo kamra ta’ lukanda fejn kont lestejt ix-xemgħat u atmosfera romantika u jien kont qed nistaħba wara l-purtieri biex nara r-reazzjoni tiegħu. Però Francesco xħin daħal fil-kamra l-ewwel ħaġa li għamel kienet li xxuttja x-xemgħat allura l-ewwel reazzjoni tiegħu kienet li jintefa’ għarkubbtejh u jimsaħ ix-xemgħa minn fuq il-parquet.
X’jogħġobkom l-aktar f’xulxin?
Christine u Francesco: Li anke meta ma naqblux nippruvaw nikkuntentaw lil xulxin għaliex il-kuntentizza ta’ xulxin hija importanti ħafna għalina.
Fuq xiex targumentaw l-aktar?
Christine u Francesco: Aħna nar tat-tiben, nargumentaw fuq kollox imma jgħaddilna malajr.
Min minnkom iċedi l-ewwel f’argument?
Christine: Jien.
Francesco: Jien!
Christine: Lanqas fuq din ma qbilna!
Min minnkom hu l-aktar romantiku?
Christine u Francesco: It-tnejn għandna l-mumenti tagħna.
Xi tfisser l-imħabba għalikom?
Christine u Francesco: Li tpoġġi l-interessi u l-kuntentizza tal-persuna l-oħra l-ewwel u qabel kollox.

X’inhuma l-ħsibijiet tagħkom dwar Jum San Valentinu? Tiċċelebrawh?
Francesco: Jien naħseb li huwa wisq ikumerċjalizzat. Jekk trid turi lil dak li jkun li tħobbu m’għandekx għalfejn tistenna sa dik il-ġurnata biex tixtri rigal.
Christine: Naqbel ma’ Francesco.
Kif beħsiebkom tqattgħu Jum San Valentinu?
Christine: Filgħodu Francesco xogħol..
Francesco: Filgħaxija ħa ssajjar Christine…il-Bambin magħna!
X’messaġġ tgħaddu lil xulxin għal Jum San Valentinu?
Christine: Fran…grazzi talli tħobbni għal dak li jien bid-difetti b’kollox. Grazzi talli tajtni l-opportunità li nsir omm. Grazzi tas-sapport li ttini u talli dejjem tinkoraġġini biex inwettaq il-ħolm tiegħi. Love you x
Francesco: Christine, fil-verità m’għandux għalfejn jasal dan il-jum sabiex ngħaddilek messaġġ ta’ mħabba – taf sew kif inħossni. Grazzi ta’ kull ma tagħmel miegħi u ma’ uliedna. Grazzi talli inti omm u mara mill-aqwa li dejjem tistinka biex tipprova tikkuntenta lil kulħadd, u li diffiċilment iġġib lilek l-ewwel u qabel kollox. Xi minn daqqiet iżżejjed, għax daqsxejn ħin għalik ċertament li jkollok bżonnu wkoll. Grazzi ta’ kollox Christine, inħobbok.
PS. Jekk trid ngħinek issajjar f’Jum San Valentinu, biex nevitaw riċetta tat-tabib.


Direttriċi u Editriċi