Select Page

Bla ma kont naf kif, kien qabadni, refagħni u beda jdawwarni mal-kamra. Urieni l-passi ta’ dak l-imbierek valz u ħassejtni tassew kburija li l-passi li kien qed jgħallimni, kont qed nidħol fihom mill-ewwel. Bdejna niżfnu u nduru. Fil-kamra ma kienx hemm mużika, iżda donnu l-melodija bdiet dieħla minn madwar il-purtieri tal-filoxx li kienu qiegħdin jifirdu l-kmamar ta’ ġewwa mid-dinja kiefra t’hemm barra. Bdejna nidħqu u nieħdu gost. F’dak il-preċiż mument, kont qed inħossni fil-ġenna tal-art. Kien mument tassew speċjali. Bdejt nimmaġinani f’jum it-tieġ, u missieri kien qed jiżfen l-ewwel żifna miegħi!
Dak il-ħin, id-dar donnha nbidlet. Il-kmamar vojta u mudlama ħadu l-kulur, imtlew bid-dawl tax-xemx, l-għamara dehret aktar sabiħa u bdejt nisma’ leħen ommi tidħaq, hekk xħin ratna niżfnu u nieħdu gost.
Dan kien missieri.
Ir-riħa ta’ tabakk frisk li kien ikollu fuqu daħlet f’imnifsejja.
It-tbissima unika tiegħu.
L-għajnejn ileqqu, hekk kif kien jarani.
Dan kien l-għażiż missieri.
Ridt ngħannqu miegħi mingħajr qatt ma nħallih jerġa’ jitlaqlilna ‘il bogħod u jerġa’ jħallina warajh.
Iżda ma stajtx.
Kien se jerġa’ jitlaq. U jien kont se nibqa’ hemm.
Hemm.
Nistennih.
“Ibqa’ ftakarhom il-passi tal-valz!” kien qalli, hekk kif konna qiegħdin fil-bieb inxejrulu qabel jitlaq.
“Inwegħdek!” kont għajjatt ħalli jismagħni sew.
“U la nerġa’ niġi, nerġgħu niżfnu l-valz flimkien!” kien tbissem.
“Iva! Nibqa’ nipprattika kuljum! Ħalli nibqa’ niftakar iż-żifna!” kont għidtlu. Dħaqt u bkejt fl-istess ħin. Dħaqt għax kont diġà qiegħda nistenna li nerġa’ narah u bkejt għax kont qed nara l-karozza tal-militar li kien hemm tistennih. Rajtu jidħol fiha u jitlaq. Jitlaq ‘il bogħod.
Iżda jiena żammejt il-wegħda. Kont ipprattikajt kuljum. U biex inkun għidt kollox, kont sirt esperta.
Esperta tal-valz.
Il-valz.
Il-valz li kien għallimni s-sena l-oħra.
U issa………..
Issa kont ser nurih.
Ħarist ‘il barra mit-tieqa. Ix-xita kienet qiegħda tbatti xi ftit. Dawwart ħarsti lejn il-kalendarju. Iċ-ċirku aħmar kien baqalu ftit biss biex jasal. Jum il-Milied. Kelli seba’ mitt sena sakemm tasal dik il-ġurnata li kellu jerġa’ jiġi. Bilġri jasal il-milied!
U l-bombi li kienu jkunu neżlin hemm barra, b’mod konstantament kienu jieqfu wkoll. Kienu ħallew ħerba sħiħa. Tkissru djar. Intilfu familji sħaħ. U tfal nieqsa li ħadd aktar ma reġa’ ra b’għajnejh.
“Għalfejn iseħħu l-gwerer?” kont staqsejt lil ommi, darba fost l-oħrajn.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks