Nitkellmu mal-koppja Jean Pierre Cassar u Julian Micallef
Jean Pierre u Julian, kemm ilkom tafu lil xulxin?
Jean Pierre u Julian: Iltqajna f’Diċembru tal-2014.
Kif iltqajtu?
Jean Pierre: Jien kont nara lil Julian għaddej meta konna l-Università u ġieli għaddejna xi ħarsa lil xulxin ‘l hemm u ‘l hawn… ftit taż-żmien wara kien eddjani Facebook u jien iffollowjajtu Instagram… darba bagħatli messaġġ fuq Instagram and the rest is history!
Julian: Kont smajt b’Jean minn sħabi u ġieli kenu semmewh minħabba li kien jieħu sehem fuq it-TV imma jien qatt ma kont segwejt DREAMS, imma malli kont rajt xi ritratt tiegħu fuq Facebook, żidtu fuq Facebook u wara ftit iffollowjani hu fuq Instagram u tfajt ix-xileb, u donnu rnexxieli!

X’kienet l-ewwel impressjoni li kellkom fuq xulxin?
Jean Pierre: Li gustuż e! U għoġobni!
Julian: Għall-ewwel kont naħsbu kiesaħ imma malli kellimtu ndunajt kemm hu bniedem caring u jaħseb f’kulħadd u jinkwieta fuq kulħadd!
Kif kienet l-ewwel date uffiċjali tagħkom? U min minnkom għamel l-ewwel pass?
Jean Pierre: L-ewwel darba li ltqajna kienet ftit ‘il bogħod mid-dar ta’ Julian, għaddejt għalih bil-karozza u qgħadna nparlaw ftit. Jien għamilt l-ewwel pass.
Jean Pierre, għidilna ftit dwar il-mument li pproponejt lil Julian..
Jean Pierre: Naħseb qalbi qatt ma ħabtet daqshekk. Kont ili nippjana fuq xahrejn. Konna se nkunu msefrin u kont avżajt lil sħabna li ħa nipproponi hemm. Ftit qabel proponejt l-arloġġ ta’ jdejja beda jgħidli ‘You’re earning zone minutes’ jiġifieri beda jaħseb li qed nagħmel xi eżerċizzju jew ġirja! Fil-verità kien eċitament imma!! Imbagħad daqshekk, tfajt il-mistoqsija quddiem id-Duomo ta’ Firenze, minħabba li hemmhekk kienet l-ewwel safra tagħna fl-2015 u r-reazzjoni tiegħu kienet wisq tad-daħk! Ma kienx qed jistenniha! U bdejt nidħak u ma stajtx nieqaf! Emozzjoni tal-ġenn!

Kif jirnexxilkom tgħaddu l-mumenti diffiċli bħala koppja?
Jean Pierre u Julian: Kull problema li jkollna niddiskutuha mill-ewwel għax nemmnu li l-komunikazzjoni hija essenzjali. B’hekk nikkomunikaw kontinwament u nkunu onesti bl-emozzjonijiet tagħna biex dejjem nevitaw argumenti żejda.
Kien hemm xi esperjenza partikolari li tħossu li għenet biex ir-relazzjoni ta’ bejnietkom tissaħħaħ aktar?
Jean Pierre u Julian: Żgur kienet l-esperjenza li qattajna l-Kenja, ngħixu ma’ tribu għal xahar u nagħtu l-għajnuna tagħna lil min kien fil-bżonn. Hemmhekk għixna verament bl-iktar affarijiet bażiċi. Fi kmamar tal-ħadid, bla madum, fuq il-ħamrija u xi ġurdien jidħol maġenbna matul il-lejl. F’dak iż-żmien ta’ sfida sirna nafu lil xulxin aħjar u rajna li bis-saħħa tal-għajnuna u s-sapport li nagħtu lil xulxin jirnexxilna naslu bil-mod il-mod.

Kemm taħsbu li huwa importanti li koppja żżomm ir-relazzjoni ħajja? Xi jżomm ir-relazzjoni tagħkom ħajja u b’saħħitha?
Jean Pierre u Julian: Importantissima! Aħna dejjem nidħlu għal xi avventuri ġodda. Inħobbu ħafna s-safar u dejjem ikollna xi waħda pjanata, meta nkunu nistgħu! Inħobbu nivvintaw affarijiet differenti u dejjem nibqgħu attivi flimkien kemm waħedna u anke ma’ sħabna.

Kif jirnexxilkom issibu bilanċ bejn ix-xogħol, impenji oħrajn u l-ħin ta’ kwalità ta’ bejnietkom?
Jean Pierre u Julian: Importanti li tidra taqta’ linja u toħloq bilanċ għal kollox. Importanti li fil-ġurnata dejjem tiddedika naqra ħin għal xulxin għax jekk tibda tieħu l-affarijiet for granted ma tkampax.

X’jogħġobkom l-aktar f’xulxin?
Jean Pierre: jien jogħġobni kemm hu dixxiplinat, determinat, dedikat, avventuruż u onest f’kulma jagħmel u jgħid.
Julian: Li hu bniedem caring u li dejjem jieħu ħsieb lil min ikun madwaru u lil min iħobb.
Fuq xiex targumentaw l-aktar? U min minnkom iċedi l-ewwel f’argument?
Jean Pierre: Fuq l-imbarazz id-dar naħseb! Julian l-iktar li jċedi l-ewwel
X’kienet l-aktar ħaġa romantika li għamiltu lil xulxin?
Jean Pierre u Julian: Ma tantx aħna koppja romantika. L-imħabba nuruha ta’ kuljum bir-rispett, il-ħin li nagħtu lil xulxin u s-sapport li nagħtu lil xulxin fid-deċizjonijiet li nagħmlu f’ħajjitna. Naħseb il-proponiment li kien l-iktar ħaġa romantika li għamilna. Però ma noqogħdux nistennew San Valentinu biex ġieli forsi nixtru xi rigal żgħir lil xulxin, jew xi ħaġa żgħira li tkun fakkritna f’xulxin meta rajniha.

Hemm xi ħaġa li tixtiequ tagħmlu flimkien, li s’issa għadkom qatt m’għamiltu?
Jean Pierre u Julian: Li nsiefru xi waħda fit-tul flimkien.
Xi tfisser l-imħabba għalikom?
Jean Pierre u Julian: Onestà, komunikazzjoni, sapport, sagrifiċċji għal xulxin, paċenzja, dedikazzjoni u ħin għal xulxin.

Għidulna kurżità fuq xulxin li ftit nies jafu biha…
Jean Pierre: Għalkemm ma tantx jafu nies, Julian propjament gradwa bħala avukat, però qatt ma ħadem dan ix-xogħol għax ħass li mhux xogħol li jixtieq jagħmel għal ħajtu
Julian: Jean iħobb jisma’ ħafna l-mużika klassika, l-iktar xħin iqum filgħodu! Vera ma timmaġinahx bniedem hekk imma l-mużika jħobbha ħafna.
X’inhuma l-ħsibijiet tagħkom dwar Jum San Valentinu? Tiċċelebrawh?
Jean Pierre u Julian: Nemmnu li l-imħabba għandha tintwera kuljum u mhux f’din il-ġurnata biss! Nemmnu li biex toħroġ tiekol jew tmur xi weekend break m’għandekx bilfors tistenna San Valentinu. Allura forsi wieħed għandu iktar jagħti kas ir-relazzjoni u jekk tara li nqbadt f’rutina u r-relazzjoni tajtha l-ġenb, għandek tiddedika daqsxejn ħin għal xi ikla jew biex turi iktar l-imħabba lejn xulxin, imma m’għandekx għalfejn tistenna l-14 ta’ Frar.


Direttriċi u Editriċi