Nitkellmu mal-koppja Ivan u Simone DeBattista

Ivan u Simone, kemm ilkom tafu lil xulxin? U kemm ilkom miżżewġin?

Ivan u Simone: Ilna nafu lil xulxin mill-5 ta’ Frar tal-1995. Din kienet l-ewwel ġurnata li ltqajna. Ilna miżżewġin 21 sena. Iżżewwiġna fit-28 ta’ Mejju tal-2000.

Kif iltqajtu?

Simone: Iltqajna waqt dramm li kien qed jieħu sehem Ivan fiha ġewwa t-teatru De Porres Sliema. Dak iż-żmien jien kont qed nistudja d-drama fid-Drama Cantre (dak iż-żmien l-IMTADA) u xi ħbieb tiegħi li wħud minnhom kienu ħbieb tiegħu wkoll stednuni mmur nara dramm magħhom id-Deporres. Jien mort u meta ħareġ Ivan tfajt kumment u minn hemm sħabi ddeċidew li jlaqqgħuni miegħu. Ġimgħa wara ftehmna biex niltaqgħu Paceville u ltqajna hemm u l-għada morna naraw kummiedja l-Istitut Kattoliku u xi ħadd minn sħabna laqqagħna u minn hemm bdejna noħorġu flimkien.

X’kienet l-ewwel impressjoni li kellkom fuq xulxin?

Simone: Meta rajtu l-ewwel darba għedt “ Dan x’inhu nerd?!” għax kien liebes il-ġlekk f’Paceville. Imma mbaghad meta bdejna nitkellmu malajr bdilt l-impressjoni li kelli.

Ivan: Jien fil-bidu ħsibtha li kienet xi waħda tippretendiha!

Kif kienet l-ewwel date uffiċjali tagħkom? U min minnkom għamel l-ewwel pass?

Simone: L-ewwel date uffiċjali kienet meta morna naraw il-kummiedja Żewġt Iklieb Għal Għadma Waħda fl-Istitut Kattoliku. Ħadd minna m’għamel l-ewwel pass essaġġ għax it-tnejn li aħna ridna noħorgu flimkien imma Ivan staħa jgħidli. Ġie ħabib tagħna u qalli li Ivan qed jistħi jgħidli u għalhekk issuġġerejt lill-ħabib tagħna biex jistaqsina flimkien u nieħdu d-deċiżjoni flimkien ladarba konna qed nistħu minn xulxin.

Liema memorji tgħożżu l-aktar mill-ġurnata tat-tieġ tagħkom?

Simone: Il-ġurnata minnha nfisha kienet ġurnata memorabbli u ma tistax tgħid liema parti minnha ngħożżu l-iżjed. Jien personali ngħożż l-aktar is-sorpriża li kien għamilli Ivan aħna u sejrin id-dar kif spiċċa t-tieġ, fejn irnexxielu jġib ir-Rolls-Royce li ġejna biha għat-tieġ u erġajna tlaqna biha d-dar. Memorja oħra kienet meta fl-aħħar xahar biddilna l-knisja għax il-knisja li konna se niżżewġu fiha fil-bidu kienu se jirranġaw il-faċċata u għamlulha l-iscaffolding u ma ridniex niżżewġu hekk allura ġietni tajba għax il-knisja l-ġdida li xtaqt niżżewweġ fiha fin-Naxxar (Is-Sagħjtar) laħqet tlestiet u żżewwiġna hemm. Konna l-ewwel koppja li żżewġet il-Ħadd filgħodu f’dik il-knisja.

Ġraw xi praspar dakinhar tat-tieġ?

Simone: Praspura minnhom kienet fejn waqt il-quddies kellna nagħmlu r-rit tax-xemgħat flimkien mal-ġenituri u l-ġenituri ta’ Ivan ma sabux ix-xemgħa tagħhom u kellna naqbżuha. Oħra kienet li l-fotografu nesa xi ħaġa importanti biex jiffilmja lili noħroġ mid-dar u kellna noqogħdu nistennewh sakemm jerġa’ jmur id-dar u jġibha biex jiffilmjani u għalhekk spiċċajt wasalt ftit tard il-knisja.

S’issa, liema perjodu kien l-aktar diffiċli u ta’ sfida għar-relazzjoni tagħkom?

Simone: Kull perjodu fil-ħajja fih is-sabiħ u l-isfidi tiegħu. Diffiċli ssemmi xi waħda minnhom għax kull fażi fil-ħajja fiha tagħha. Meta jkollok it-tfal zgħar fih is-sabiħ u l-iebes tiegħu u meta jikbru tgħaddi minn fażi oħra. Imma personali wieħed mill-aktar żmien diffiċli li għaddejt minnu kien meta miet missieri u fl-istess sena kellna nirranġaw id-dar u nbiddlu l-madum għax sfrundalna. Infatti kellna nagħmlu xi żmien ngħixu mal-ġenituri ta’ Ivan sakemm inlestu d-dar. Ma kienx żmien faċli għalija għax inqala’ kollox f’daqqa.

Kien hemm xi esperjenza li għaddejtli minnha li tħossu li għenet biex ir-relazzjoni ta’ bejnietkom tissaħħaħ aktar?

Simone: Jien nemmen li kull esperjenza f’ħajjitna ressqitna lejn xulxin. Jien nemmen li fil-ħajja l-individwu jrid ikun biex jagħmel il-pass u jħalli l-eperjenza tressqu lej is-sieħeb jew sieħba tiegħu. Aħna kull ħaġa li għamilna f’ħajjitna pruvajna nagħmluha flimkien u dan li ressaqna aktar lejn xulxin, għax dejjem appoġġjajna lil xulxin f’kollox.

Xi tpoġġu fiċ-ċentru tar-relazzjoni tagħkom?

Ivan u Simone: Lil Alla. Mingħajru xejn ma nagħmlu. Mingħajr Alla kieku r-relazzjoni tagħna ilha li spiċċat.

Taħsbu li l-fatt li t-tnejn li intom għandkom passjoni għall-istess qasam għen fir-relazzjoni tagħkom?

Ivan u Simone: Iva dik tgħin ħafna għaliex minkejja li ma tkunx faċli minħabba l-ħinijiet twal tagħna imma bis-sagrifiċċji kollha li ġġib magħha, dejjem appoġġjajna lil xulxin.

It-tfal tagħkom, Ryan u Dylan, xi jfissru għalikom? X’impatt għamel ir-rwol tagħkom ta’ ġenituri fuq ir-relazzjoni ta’ bejnietkom?

Ivan u Simone: L-ulied dejjem ifissru ħafna għall-ġenituri. Ryan u Dylan għaqqdu l-familja u llum li qed jikbru qed naraw il-karattri tagħhom iktar joħorġu u tibda tinnota dak li tkun żrajt fihom kif jiżvolġi. Mhux faċli trabbi llum il-ġurnata għax il-ħajja għandha ħafna sfidi u fiż-żgħożija tagħhom il-biżgħat tal-ġenituri jiżdied xi ftit ukoll, imma fl-istess ħin tħoss is-sodisfazzjon tiegħek fir-relazzjoni li tibni magħhom.

X’inhu l-akbar sodisfazzjon tagħkom bħala ġenituri?

Ivan u Simone: L-ikbar sodisfazzjon għal kull ġenitur hi li tarahom jitilgħu rġiel u nisa tajba, ikollhom karriera u jieħdu l-istat tagħhom u tarahom jissetiljaw u jsibu min iħobbhom u jirrispettahom.

Kemm tħossu li huwa importanti li koppja żżomm ir-relazzjoni ħajja, speċjalment wara tant snin flimkien u bil-preżenza tat-tfal? X’kien li żamm ir-relazzjoni tagħkom daqstant b’saħħitha matul is-snin?

Simone: Jien nemmen ħafna li l-koppja żżomm relazzjoni b’saħħitha speċjalment quddiem l-ulied għax dak hu l-akbar eżempju li tista’ tagħti lil uliedek. Nemmen li dan jista’ biss iseħħ bl-għajnuna t’Alla. Sfortunatament lil Alla qed inwarrbuh u dan qed iħalli l-konsegwenzi tiegħu. M’aħniex perfetti imma kemm jista’ jkun qatt ma ridna norqdu miġġildin.

Kif jirnexxilkom issibu bilanċ bejn ix-xogħol, ir-rwol tagħkom ta’ ġenituri u l-ħin ta’ kwalità ta’ bejnietkom?

Ivan u Simone: Importanti li jkollok time-table. Il-bilanċ inti trid issibu. Mhux dejjem ikun faċli imma nagħmlu mezz biex insibu ħin għal kollox.

Ġieli għamiltu jew ġratilkom xi praspura?

Ivan u Simone: L-aktar praspar li konna nagħmlu meta kellna t-tfal żgħar u neħduhom magħna f’xi rehearsal. Min jaf kemm spiċċaw jiġru ma’ xi nies li kieu jkunu qed jagħmlu rehearsals magħna jew mad-direttur stess. Darba minnom kellna filming u ma kellnix min iżommilna lil Ryan li kien għad għandu xi sena. Waqt il-filming dan it-tifel ħarab u nsibuh jilgħab ma’ żewġ tfajliet barranin.

Darb’oħra ħarbilna Dylan waqt li konna f’ristorant mal-familja kollha ta’ Ivan għall-gradwazzjoni t’Ivan. Konna qed niggustawh jistaħbilna wara mejda vojta. Kien għad għandu xi sena u nofs. F’daqqa waħda ma sibnihx iżjed u spiċċajna l-familja kollha nfittxu mar-ristorant kollu biex insibuh. Imbagħad wara xi 20 minuta, Ħu Ivan sabu jiżfen f’diskoteka qrib ir-ristorant ma’ xi tfajliet.

X’jogħġobkom l-aktar f’xulxin?

Simone: Jien l-iktar li jogħġobni f’Ivan hija r-romantiċiżmu u l-caring tiegħu. Jekk jarak qed tbati u m’intix se tlaħħaq imidd idejh mill-ewwel hu.

Ivan: Jien jogħġobni l-fatt li minkejja li Simone xi drabi tibża’ tieħu passi ġodda f’ħajjitha, hija persuna kuraġġuża u ma taqtax qalbha malajr.

Fuq xiex targumentaw l-aktar?

Simone: Jien nargumenta l-iżjed minħabba l-imbarazz għax ma niflaħx ngħix fl-imbarazz!

Ivan: L-aktar li nargumentaw għax Simone għandha vizzju li tarmi u ġieli tarmi karti importanti!

Min minnkom iċedi l-ewwel f’argument?

Ivan u Simone: It-tnejn inċedu biċċa daqqa f’ħaġa u daqqa f’oħra. Skont l-argument xi jkun.

Min minnkom hu l-aktar romantiku? Ġieli tagħmlu xi sorpriża lil xulxin?

Simone: Ivan l-iżjed romantiku u xi ħaġa li nibqa’ niftakar meta tani weekend break sorpriża bla ma kont naf bih. Inħobbhom is-sorpriżi tiegħu. Jien ġieli nagħmillu sorpriżi imma ħafna drabi ninqabad. Però niftakar għamiltlu sorpriża fil-birthday u ħadtu post fejn kien hemm il-ħbieb jistennewh u rnexxieli ma ninqabadx (Ghax Ivan sharp, ma tantx tidħaq bih malajr)

Xi tfisser l-imħabba għalikom?

Ivan u Simone: L-Imħabba tfisser rispett u li taqsam dak kollu li għandek bejn il-koppja jiġifieri ma tkunx egoist. U dak li nistgħu nagħmluh flimkien nagħmluh, anke jekk studju, u dik tgħin ħafna l-imħabba tagħna tissaħħaħ.

Hemm xi ħaġa li tixtiequ tagħmlu flimkien, li s’issa għadkom qatt m’għamiltu?

Ivan u Simone: Li nsiefru xi mkien għal tul ta’ żmien flimkien.

Wieħed mit-tfal tagħkom, Ryan Mark, imsemmi proprju għal ħabib komuni li kellkom, u li eventwalment skoprejtu b’dan ftit wara li sirtu tafu lil xulxin. Għidulna aktar dwar dan…

Simone: Iva, meta sirna nafu lil xulxin skoprejna li kellna ħabib komuni, Mark. Kellu diżabilità fiżika imma kellu mħabba speċjali. Kien il-pen friend tiegħi u kont inħobbu ħafna. Meta ltqajna kien għadu kemm miet u kont ħassejt ħafna għalih. Meta miet l-aħħar kelma li qal lil ommu kienet li se jibqa’ jitlob għalija u semma ismi qabel miet eżatt. Ommu ċemplitli u qaltli bl-aħbar tal-mewt tiegħu. Kienet għafsa ta’ qalb kbira għalija. Ftit wara li jien u Ivan irranġajna, sirt naf li Ivan kien siefer miegħu u mal-familja tiegħu f’tour u għamlu ħbieb. Hemm indunajt li Mark kien talab għalija u sabli ġuvni sew. Bqajt nitolbu għax naf li qiegħed fis-sema jipproteġina. Meta ħriġt tqila b’Ryan kont tlabtu jħares lili u t-tarbija u meta twieled għedt lil Ivan biex insemmuh Ryan Mark għalih.

X’inhuma l-ħsibijiet tagħkom dwar Jum San Valentinu? Tiċċelebrawh?

Ivan u Simone: Aħna nemmnu li San Valentinu s-sena kollha tista’ tagħmlu. M’hemmx għalfejn tistenna Jum San Valentinu biex turi l-imħabba tiegħek. Dakinhar ma nagħmlu xejn speċjali. Ġieli nagħmel ikla ftit speċjali d-dar, jew inġibu take-away u nieklu flimkien bħala familja u noqogħdu naraw film flimkien. Għalina dak ikun biżżejjed.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks