Nitkellmu mal-koppja Claire u Vince Micallef Pulè

Claire u Vince, kemm ilkom tafu lil xulxin? U kemm ilkom miżżewġin?

Claire: Aħna ilna miżżewġin 27 sena, imma ilna nafu lil xulxin minn dejjem. Trabbejna flimkien fil-villaġġ tal-Kalkara u d-djar tagħna ma kinux bogħod minn xulxin.

Vince: Lil Claire ilni nafha minn meta kellha xi disa’ jew għaxar snin. Oħti l-kbira Rita kienet tgħallimha l-pjanu u kienet tiġi kull nhar ta’ Sibt għal-lezzjoni d-dar tagħna.

Kif iltqajtu?

Claire u Vince: Ġurnata eżatt meta ltqajna m’għandniex billi trabbejna flimkien. Però fiż-żgħożija tagħna konna niffurmaw parti minn grupp ta’ żgħażagħ flimkien. Konna dejjem naqblu ħafna fil-fehmiet tagħna u minn hemm nibtet xi ħaġa aktar bejnietna u bdejna noħorġu flimkien….. wara anqas minn sentejn iżżewwiġna.

X’kienet l-ewwel impressjoni li kellkom fuq xulxin?

Claire: Vince dejjem smart u nadif tazza fid-dehra tiegħu, u fil-karattru dejjem laqatni kemm hu ġust u rett fl-opinjonijiet u l-aġir tiegħu. M’hemmx dubju li d-dehra tiegħu togħġobni wkoll, għax wara kollox l-ewwel ma tiekol l-għajn.

Vince: Kif għidt diġà, konna ilna nafu lil xulxin minn meta konna tfal żgħar. Meta konna tfal niftakar dik it-tbissima ġenwina tagħha. Imbagħad kien hemm perjodu twil fejn ma rajniex aktar lil xulxin. Imma darba minnhom, meta kellha madwar 17-il sena, rajtha nieżla mit-triq tagħha. Kellha l-istess tbissima fuq wiċċha, imma kienet inbidlet fi tfajla mill-isbaħ. Ħadt grazzja magħha mill-ewwel u f’qalbi kont għidt kemm nixtieq li tkun il-mara tiegħi. Disa’ snin wara, dik ix-xewqa saret realtà.

Kif kienet l-ewwel date uffiċjali tagħkom? U min minnkom għamel l-ewwel pass?

Claire: Kienet xi ħaġa naturali, però Vince kien għamel l-ewwel pass. Darba konna l-grupp kollu ta’ ħbieb flimkien u wara li konna morna ġo bar, Vince kien ħadna lkoll nieklu hotdog minn post ta’ fast food f’tas-Sliema, li dak iż-żmien kien rinomat ħafna u jien ma kont ħadt xejn u kont għidtlu jien ma niekolx dan it-tip ta’ ikel…. u kien qalli mela x’tiekol inti? Għidtlu jien minn xi ristorant tajjeb inħobb niekol. Ftit tal-ġimgħat wara kelli l-birthday u kien ħadni niekol f’dan ir-ristorant il-Mellieħa li dak iż-żmien kien magħruf ħafna. Dik kienet l-ewwel date uffiċjali tagħna.

Liema memorji tgħożżu l-aktar mill-ġurnata tat-tieġ tagħkom?

Claire: Jien ma ninsa qatt it-tbissima ta’ Vince meta wasalt il-Knisja kważi siegħa tard!

Vince: Kienet ġurnata li nibqgħu niftakruha kollha, speċjalment il-ferħ tal-ġenituri, familjari u l-ħbieb li kienu magħna.

Ġrat xi ħaġa partikolari dakinhar?

Vince: Propjament konna se niżżewġu l-Knisja tal-Kalkara imma missier Claire sfortunatament miet ftit xhur qabel it-tieġ u Claire ma ħassithiex b’saħħitha biżżejjed li tiżżewweġ fejn ftit qabel sar il-funeral ta’ missierha li hi tant kienet tħobb. Allura ddeċidejna li l-quddies nagħmluha fil-Knisja ta’ Burmarrad billi r-riċeviment kien il-Wardija u b’hekk inkunu viċin.

Suppost li ngħatajna dokument mill-Parroċċa tal-Kalkara li tissejjaħ Delega biex niżżewġu fil-Knisja ta’ Burmarrad. Aħna ma konniex nafu xejn, u fil-ġurnata tat-tieġ, il-Kapillan tal-Knisja ta’ Burmarrad ma riedx iżżewwiġna. Meta ġie ċ-Ċelebrant tal-Quddiesa tagħna wiegħdu li l-għada l-ewwel xogħol konna se mmorru b’din id-Delega, u hekk għamilna.

Però l-ġurnata tat-tieġ tagħna kull min kien mistieden jibqa’ jiftakarha minħabba l-maltempata kbira li laqtet Malta dakinhar. Ħafna mistednin ma rnexxilhomx jaslu minħabba l-ammont ta’ xita li għamlet u Claire waslet il-Knisja kważi siegħa tard u meta spiċċat il-quddies ma stajniex noħorġu mill-Knisja u ħafna mill-irġiel bdew ineħħu ż-żraben, ixxammru u jmorru jġibu l-karozzi fiz-Zuntier. Wara, t-temp fetaħ u gawdejna l-kumplament tal-ġurnata.

S’issa, liema perjodu kien l-aktar diffiċli għalikom? Kif affettwa r-relazzjoni tagħkom?

Claire u Vince: Żgur li l-aktar perjodu diffiċli għalina kien iż-żmien meta xtaqna t-tfal u ma bediex jirnexxielna. Kienu mumenti diffiċli u ta’ qtigħ il-qalb li bħala koppja għallmitna ħafna u l-imħabba tagħna lejn xulxin saret aktar profonda.

Kien hemm xi esperjenzi partikolari li tħossu li għenu r-relazzjoni ta’ bejnietkom tissaħħaħ aktar?

Claire: L-aktar esperjenzi partikolari kienu meta mardu l-ġenituri tagħna. Il-ġenituri ta’ Vince it-tnejn mietu bil-marda tal-kanċer, disa’ snin minn xulxin. Kienu mumenti ibsin meta kuljum qed tara xi ħadd li hu tant għażiż għalik imur lura u ma tista’ tagħmel xejn, hemmhekk tirrealizza kemm hi prezzjuża u fraġli l-ħajja.

Vince: Ftit tas-snin ilu l-mamà ta’ Claire mardet bil-marda tad-dimensja, u wkoll iebsa ħafna tara mara li tant kienet indipendenti li issa lanqas biss tagħraf lil uliedha. Is-sapport li sibna minn xulxin kienet tant importanti biex tkun tista’ tkampa ma’ din ir-realtà diffiċli.

Xi tpoġġu fiċ-ċentru tar-relazzjoni tagħkom?

Claire u Vince: Il-ħin flimkien u għal xulxin huwa importanti ħafna, kif ukoll it-talb. L-ikla ta’ filgħaxija nippruvaw li nkunu dejjem flimkien; kif ukoll il-qraba tagħna, ħutna u l-familji tagħhom u ftit ħbieb tal-qalb li għandna li huma parti importanti minn ħajjitna.

It-tifla tagħkom Kristina, xi tfisser għalikom? X’impatt għamel ir-rwol tagħkom ta’ ġenituri fuq ir-relazzjoni tagħkom bħala koppja?

Claire u Vince: Kristina hija kollox għalina. Billi ġiet wara 7 snin, għalina kienet barka kbira minħabba li kien hemm żmien li konna irrassenjati li mhux se nkunu ġenituri. Dan ir-rwol nieħduh b’serjetà kbira. Claire hija aktar iddixxiplinata f’ċerta affarijiet mentri Vince rari jgħid le jew iċanfarha.

X’inhu l-akbar sodisfazzjon tagħkom bħala ġenituri?

Claire u Vince: L-akbar sodisfazzjon għalina hu li tara persuna li sa ftit snin ilu kienet fi ħdanek u tiddependi minnek li issa saret tfajla ta’ qalb tajba, konvinta fit-twemmin tagħha, bil-għaqal u iffukkata; u tgħid dik it-tifla tagħna? Tħoss imħabba li ma tistax tfissirha u gratitudni kbira.

X’kien li żamm ir-relazzjoni tagħkom daqstant b’saħħitha matul is-snin?

Claire u Vince: Bħal kull ħaġa li hi importanti għalik trid tiddedika l-ħin, l-imħabba, l-aspirazzjonijiet u l-futur lejha. Il-ħin flimkien importanti ħafna, li tisma’ u tagħti l-ispazju, u ma tħossx li inti dejjem għandek raġun. Il-ġranet kwieti tal-weekend flimkien wara ġimgħa twila jkunu mistennija minna.

Kif jirnexxilkom issibu bilanċ bejn ix-xogħol, ir-rwol tagħkom ta’ ġenituri u l-ħin ta’ kwalità ta’ bejnietkom?

Vince: Mhux faċli, il-ġranet tagħna twal, però kif għidna qabel, trid tagħmlu l-ħin. Claire tinsisti li kuljum nieklu l-ikla ta’ filgħaxija flimkien u tiddejjaq meta ma jirnexxilniex. Fil-weekend nippruvaw nirkupraw ukoll fil-ħin dedikat lil xulxin. Darba fix-xahar inħobbu nieħdu ġurnata leave u nagħmlu l-qadi flimkien, nieklu xi ħaġa barra flimkien. Inħobbu wkoll insiefru flimkien meta dan ikun possibbli.

Darba kontu mistednin tieġ… u x’ġara?

Claire: Konna mistednin tieġ ta’ xi ħadd li kien jaf Vince. Kien ċempilli biex jgħidli nżomm id-data però l-invit ma ġabux id-dar. Fil-ġurnata tat-tieġ, kont mort nagħmel xagħri, irranġajt ma’ min se toqgħod it-tifla u tlaqna għat-tieġ. Kif wasalna fil-post tar-riċeviment, l-għarajjes kienu qed jieħdu r-ritratti u Vince qalli dak x’għamlilha xagħru kemm jidher differenti! Jien ma merejtux, għax la kont naf l-għarus u l-anqas l-għarusa. Insomma ftit wara induna li l-għarus ma kienx il-persuna li kien jaf hu ….. u wara li ċempel li xi kollegi oħra, irrealizza li morna ġurnata ħażina u t-tieġ tal-ħabib tiegħu kien l-għada u mhux dakinhar. Allura l-għada erġajna lbisna pulit u morna t-tieġ li propjament konna mistednin għalih.

X’jogħġobkom l-aktar f’xulxin?

Claire: Vince huwa persuna fair ħafna. Jisma’ u jagħti ċans lil kulħadd. Nammirah għax fejn jidħlu prinċipji u valuri m’hemmx kompromessi, dik hija kwalità li tkun taf fejn inti miegħu. Huwa persuna li jaf iħobb, il-familja, ħutu, il-ftit ħbieb iffissru ħafna għalih.

Vince: L-akbar preġju ta’ Claire hija l-qalb tajba tagħha. Il-fatt li tpoġġi l-familja dejjem l-ewwel u l-imħabba mingħajr kundizzjoni. Nammira ħafna d-dedikazzjoni u l-imħabba li għandha lejn xogħolha u kemm tgħożż u tinkwieta għall-pazjenti u l-familji tagħhom li ssir taf f’xogħolha.

Fuq xiex targumentaw l-aktar? U min minnkom iċedi l-ewwel f’argument?

Claire: L-argumenti tagħna dejjem fuq il-ħin! Dejjem tard u nwaħħlu f’xulxin. Nammetti li ħafna drabi Vince l-ewwel li jċedi.

Min minnkom hu l-aktar romantiku? U x’kienet l-aktar ħaġa romantika li għamiltu lil xulxin?

Claire: Vince hu aktar romantiku bla dubju….. Fi ġranet speċjali għalina jħobb jibgħatli l-fjuri x-xogħol. Darba f’San Valentinu ta’ ħafna snin ilu, kien bagħtli l-fjuri u ċurkett bid-delivery. Id-delivery man kien liebes ta’ Cupid. Jien naħdem fil-Palazz tal-President il-Belt, u dak iż-żmien kien hemm ukoll il-Parlament fil-Palazz u kien hemm seduta għaddeja bid-Deputati deħlin u ħerġin. Tista’ tobsor x’għamlu bih dal-povru Cupid liebes il-kostum kollu qlub u frilli u bil-fjuri f’idu; bdew jibagħtuh minn post għall-ieħor.

Xi tfisser l-imħabba għalikom?

Claire u Vince: L-Imħabba għalina hija ħafna affarijiet ta’ kuljum, il-lunch għax-xogħol, il-kafè filgħodu, dik it-telefonata mal-ġurnata biex tara kif int…. hija wkoll il-kompliċità tal-affarijiet li nagħmlu flimkien bla sforz ta’ xejn u li ġġib lil min tħobb qabel l-interessi tiegħek, filwaqt li tagħti l-ispjazju li tibker flimkien u li tapprezza li aktar ma l-ħajja tkun sempliċi aktar hi sabiħa.

Hemm xi ħaġa li tixtiequ tagħmlu flimkien, li s’issa għadkom qatt m’għamiltu?

Vince: Nixtiequ ħafna li xi darba għall-Milied immorru New York bħala familja. S’issa minħabba x-xogħol u anke l-involviment ta’ Claire fl-Istrina l-għada tal-Milied din ma kinitx possibbli.

Għidulna kurżità partikolari fuq xulxin li ħadd ma jaf jew ftit nies jafu biha..

Claire: Vince attent ħafna x’jiekol, u għalkemm iħobb il-ħelu jikkontrolla ħafna. Però Vince kuljum jirnexxielu jorqod fis-salott quddiem it-televixin. Meta jistenbaħ u jqum biex jidħol fis-sodda nofsu rieqed imur fil-kċina u kull ma jkun hemm tal-ħelu jieklu. Filgħodu jgħid li ma jiftakar xejn, imma ninduna mill-karti taċ-ċikkulata u l-ħelu li nsib.

Vince: Claire tibża’ ħafna mis-submarines! Anke l-kelma biss tibża’ minnha.

X’inhuma l-ħsibijiet tagħkom dwar Jum San Valentinu? Tiċċelebrawh?

Claire u Vince: San Valentinu hija l-ġurnata dedikata lill-maħbubin. L-aspett kummerċjali idejjaqna ftit, però mhemm xejn ħażin li ssib il-ħin biex turi l-apprezzament tiegħek lejn min iħobbok.

Aħna niċċelebrawh billi nixtru rigal żgħir lil xulxin u anke kartolina.

Kif beħsiebkom tqattgħu Jum San Valentinu?

Vince: Din is-sena billi ħabat it-Tnejn, iċċelebrajnieh ilbieraħ imma naturalment illejla nieklu flimkien id-dar ukoll u żgur li Claire tipprepara xi ħaġa tajba.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks