Kemm nixtieq naqla’ bukkett fjuri sabiħ mingħand xi ħadd … imma spiċċajt waħdi … qed inħoss qalbi maqsuma speċjalment meta nara n-nies jinħabbu … u jiena qiegħda waħdi … x’nista’ nagħmel biex inħossni aħjar?
Se nibda dan l-artiklu billi nfakkrek li hemm aktar minn tip wieħed ta’ mħabba, mhux dak minn partner romantiku biss. B’kollox hemm seba’ tipi:
- Eros – Din it-tip ta’ mħabba hija mħabba materjalistika u ta’ attrazzjoni fiżika.
- Filja – L-imħabba Filja hija mħabba li tinstab fi ħbiberija sinċiera li element importanti huwa r-rispett.
- Agape – Din hija l-imħabba bla kundizzjoni.
- Storge – Dan jirreferi għall-imħabba li hemm bejn il-ġenituri u l-ulied.
- Ludos – Dan jinstab bejn il-koppji, iżda ludos mhijex imħabba serja.
- Pragma – Pragma jikkonsisti f’imħabba bejn koppja mingħajr attrazzjoni fiżika, hija bbażata fuq qbil fil-pjanijiet għall-futur.
- Philautia – L-imħabba Philautia hija meta wieħed iħobb lilu nnifsu, fil-fatt dan imur id f’id mal-istima tal-persuna.
F’dan l-artiklu se niffukaw fuq il-Philautia, kif inti tista’ turi mħabba lilek nnifsek f’Jum San Valentinu.
Il-Philautia tikonsisti f’ dawn l-4 punti:
- Għarfien dwarek innifsek – aħseb fuq kif il-ħsibijiet tiegħek jaffettwaw l-azzjonijiet tiegħek. X’inhuma l-emozzjonijiet tiegħek? X’taħseb li jġiegħlek taħseb b’dan il-mod? X’jagħmlek kuntenta? Tista’ taqsam dan kollu fuq djarju, hawnhekk tista’ tikteb il-ħsibijiet tiegħek u dan jista’ jkun ukoll mod kif tiżvoga.
- L-għarfien tal-valur tiegħek – inti għandek il-potenzjal tagħmel dak li tixtieq qalbek. Minħabba esperjenzi li tkun għaddejt minnhom fil-passat mhux dejjem faċli li tagħraf il-valur tiegħek innifsek. Kulħadd għandu s-sabiħ tiegħu, int ukoll, anke jekk ma tarahx. Ħu l-opportunità u rrifletti fuq is-sabiħ tiegħek. Għandek is-saħħa, talenti u potenzjal.
- Stima – dan jiġi mill-valur li inti tagħti lilek innifsek. Jekk inti tagħti valur għoli lilek innifsek u tirrealizza l-potenzjal tiegħek, se tara li jkollok stima għolja. L-istima hija wkoll dwar kemm inti kuntenta u komda b’ħajtek bħalissa. Ħaġa importanti li tiftakar hija li ma tikkumparax lilek nnifsek ma’ ħaddieħor. Jekk inti għandek ħolm differenti min-nies ta’ madwarek, jew it-triq li qbadt m’għandhiex x’taqsam ma’ dik li għandhom sħabek, inti m’għandek xejn nieqes minn ħaddieħor.
- Kura personali – għandha iktar x’taqsam ma’ kif inti tieħu ħsieb lilek nnifsek fiżikament. Għandu x’jaqsam mal-ikel li tiekol, l-affarijiet li tieħu gost tagħmel, u t-tip ta’ ħbieb li għandek.
Hawnhekk nixtieqek tirrifletti fuq dawn il-mistoqsijiet:
- X’qed tagħmel biex iżżomm lilek innifsek b’saħħtek?
- X’tista’ tagħmel biex tieħu ħsieb lilek innifsek aħjar?
Nista’ nifhem li tħoss emozzjonijiet ta’ dwejjaq, jew anke ta’ firda. F’din il-ġurnata nħeġġek li tbiddel il-mentalità tiegħek dwar Jum San Valentinu. M’hemmx għalfejn ikun hemm ġurnata li fiha nuru mħabba lejn xulxin, iżda nistgħu nużaw dan il-jum biex niċċelebraw l-imħabba li għandna lejn ta’ madwarna. L-imħabba tiġi f’ħafna forom u ma tikkonsistix partner bilfors.

Tim multidixxiplinarju li jipprovdi kura għas-Saħħa Sesswali