Select Page

Nitkellmu mal-koppja Clayton Pace u Lenies Gauci

Clayton u Lenies, kemm ilkom tafu lil xulxin?

Clayton u Lenies: 3 snin u xahrejn.

Kif iltqajtu?

Clayton: Jien dak iż-żmien kont qiegħed naħdem fuq is-serje Manwela u Ħbieb u Għedewwa, u kif kien jiġri kull sena, kien ikollna żifna waqt l-Istrina. Inzerta li jien u dieħel għax-show, Lenies kienet ħierġa. Għajnejna weħlu fuq xulxin. Dakinhar stess filgħaxija eddjajtha fuq Facebook, u dħalt ngħidilha prosit ta’ Fattigi..anki jekk fil-verità sa dakinhar kont għadni qatt ma rajt episodju minnu!

Lenies: Bażikament kont ħierġa mis-sett tal-Istrina u Clayton kien dieħel. Dak il-ħin xħin rajtu qisu d-dinja waqfet għal żewġ minuti.

X’kienet l-ewwel impressjoni li kellkom fuq xulxin?

Clayton: Wara l-ewwel date irrealizzajt li sibt dak li kont qed infittex. Jien nemmen li ma teżistix il-persuna l-ħażina f’relazzjoni, nemmen li sempliċement kulħadd għandu tip tiegħu, u biex issib dik il-persuna 100% tip tiegħek hu diffiċli ħafna. Jien kont fortunat ħafna li sibtha. Minn wara li ltqajna fl-ewwel date sal-lum, ma ltqajniex biss ġurnata waħda, għax inzertajna filming sa tard. Mill-bqija bqajna niltaqgħu kuljum. Sakemm illum ngħixu flimkien u qed nippjanaw biex niżżewġu.

Lenies: Din naqra stramba l-ħaġa… ma nafx niddeskriviha, però xħin rajtu kont naf li dan hu r-raġel li rrid inqatta’ ħajti miegħu.

Kif kienet l-ewwel date uffiċjali tagħkom? U min minnkom għamel l-ewwel pass?

Clayton: L-ewwel pass sar b’dak il-messaġġ qasir… ‘’Prosit ta’ Fattigi’’. Però ma konniex dewwimna l-konverżazzjoni wisq. Sakemm fix-xena daħal ħabib komuni li kellna, attur ukoll – Patrick Bonnici. Jien kont kellimtu u għidtlu kemm kienet togħġobni Lenies, u hu malajr ħa l-opportunità li jagħmilha ta’ wingman! Meta sirt naf li kellimha ridt l-art tiblagħni, għax jien veru persuna nistħi fejn jidħlu dawn l-affarijiet. Minn hemm dħalt inkellimha nerġa’, biex speċi nbenġel li qalilha Patrick… Kelma ġġib lill-oħra u waslet ukoll l-ewwel date, fejn konna morna ħadna flixkun (jew 2) inbid fejn il-baħar.

Lenies: L-ewwel date kienet flixkun inbid ħdejn il-baħar u ma waqafnix inpaċpċu, il-ħin bħal donnu tar. L-ewwel pass għamlu Clayton.

Fi ftit ġimgħat oħra se tkunu qed tissiġillaw ir-relazzjoni tagħkom permezz taż-żwieġ. Kif sejrin il-preparamenti? U kif qed tħarsu lejn dan il-pass daqstant importanti f’ħajjitkom?

Clayton: Il-preparamenti mexjin kollox kif suppost. Però dik ma tinkwetanix wisq, għall-fatt li ma tantx jagħmlu bija l-affarijiet materjali jien, fis-sens jekk ikollha tmur xi ħaġa ħażina, m’iniex ħa noqgħod ninkwieta. L-unika ħaġa importanti hu li niżżewweġ lil Lenies. Dwar ‘ix-show tradizzjonali’ ma ninkwetax wisq. Min-naħa l-oħra ninsab eċitat ħafna, u ta’ sikwit sirt noħlom li waslet il-ġurnata li Lenies tkun tiegħi.

Lenies: Bħalissa bħala żmien hu naqra stressanti għall-fatt li jkollok balla ġiri ta’ preparamenti għat-tieġ. Ninsab eċitata mmens għal dik il-ġurnata li fl-aħħar ħa nkunu familja.

S’issa, liema perjodu kien l-aktar diffiċli u ta’ sfida għar-relazzjoni tagħkom? Kif affettwa r-relazzjoni tagħkom u kif irnexxielkom tgħadduh bħala koppja?

Clayton: Jien u Lenies veru rari jkollna xi ngħidu… problemi jkollna bħal kulħadd, però xejn kbir. L-iktar sfida hi l-ħajja ta’ kuljum. Minħabba li x-xogħol tiegħi tad-drama qed jeħodli ħafna ħin. Bħalissa għaddej b’madwar ħamest ijiem fil-ġimgħa filming, għax apparti s-serje Sorelle, qed niffilmja serje ieħor ma’ kumpanija oħra li se jixxandar minn Ottubru li ġej. Ħafna ħin ‘il bogħod mill-familja. Dan qed iġiegħelni nikkunsidra wkoll li nwaqqaf il-karriera tiegħi bħala attur. Jekk jirnexxilix ma nafx… però l-ħsieb qiegħed hemm.

Lenies: Naħseb bhalissa hu l-aktar żmien diffiċli għall-fatt li kif għidt qabel, għandna ħafna ġiri tat-tieġ u Clayton bħalissa maqbud b’ħafna filming. Li qed nagħmlu hu li darba fil-ġimgħa qed nagħmlu mezz li Noah jorqod għand xi ħadd tal-familja biex b’hekk ikollna lejl għalina flimkien.

Xi tħossu li jżomm ir-relazzjoni tagħkom daqstant b’saħħitha?

Clayton: Aħna nħobbu nżommu l-ħin għal xulxin. Nippruvaw darba kultant Noah jorqod għand in-nanniet u jkollna dawk li aħna nsejħulhom date nights! Nemmen li huma importanti ħafna biex iżżomm relazzjoni soda.

Lenies: Apparti li aħna għarajjes, aħna wkoll l-akbar ħbieb ta’ xulxin u naħseb dak il-fatt jgħin biex dejjem insaħħu r-relazzjoni ta’ bejnietna. Li nsibu ħin għalina huwa importanti ħafna wkoll.

Taħsbu li l-fatt li t-tnejn li intom għandkom passjoni għall-istess qasam jgħin fir-relazzjoni tagħkom?

Clayton: Iva… id-drama tirrikjedi sigħat twal. Ħafna drabi sa tard bil-lejl. Nemmen li rarissimu ssib lil xi ħadd li jista’ jifhmek jekk ma jkunx fl-istess qasam.

Lenies: Iva hafna, min mhux midħla tal-midja ma jifhimx is-sagrifiċċju u l-ħin li jirrikjedi.

It-tifel tagħkom Noah, xi jfisser għalikom? X’impatt għamel ir-rwol tagħkom ta’ ġenituri fuq ir-relazzjoni tagħkom bħala koppja?

Clayton: Noah għalija jfisser ħajti.. litteralment. Hu dak li jġiegħelni nitbissem u jimmotivani. Bħala koppja tbati ftit, fis-sens li l-ħin isir aktar diffiċli biex issibu. Però jekk tqiegħed kollox fuq miżien, tara li għalkemm jeħodlok ħafna mill-ħin, jagħtik dik ix-xi ħaġa speċjali li diffiċli tesprimiha bil-kliem.

Lenies: Noah huwa hajti. Responsabilità kbira għall-fatt li anke l-lejl ma tibqax torqdu mistrieħa imma moħħok fih li tara li hu rieqed komdu. Biex tara kemm ħalla impatt darba Noah kien qiegħad rieqed għand ommi, u f’nofs ta’ lejl qam Clayton ifittex it-tifel fis-sodda jinkwieta. Relazzjoni b’tifel hi naqra ta’ sfida għall-fatt li t-tifel jisraq il-ħin li qabel kien ikollna bejnietna waħedna. B’hekk trid dejjem taħdem biex issib ukoll ħin għal xulxin, għax lil Noah tajnih il-kumplament ta’ ħajjitna… u ma jiddispjaċina xejn, għax hu l-iktar ħaġa għażiża li għandna.

X’inhu l-ikbar sodisfazzjon tagħkom bħala ġenituri?

Clayton: Ġurnata b’ġurnata qed ninduna li qed insir l-idolu ta’ Noah… kull ma nagħmel jien ikun irid jagħmel bħali. Jien inħobb ħafna nikkummiedja fil-ħajja ta’ kuljum… allura pereżempju jgħidli “id-daddy funny… imma anki Noah Funny!”, jew ikun irid jagħmel xagħru bħal tiegħi… jew jiekol eżatt bħali… affarijiet hekk. Xejn ma jagħmilni aktar kburi f’ħajti minn jekk inkun ir-role model ta’ ibni. Fuq kollox, għalija tfisser ħafna li Noah jibqa’ jarani bħala l-ħabib tiegħu.

Lenies: Sodisfazzjon meta nħares lura u nara l-kambjamenti kollha li għamel Noah. Dan l-aħħar beda jitkellem aktar u ġieli nkunu kwieti u jaqbes u jgħid ‘’ħobbok mummy’’… l-emozzjoni li jtuni dawk iż-żewġ kelmiet ma nistax niddeskriviha.

Kif jirnexxilkom issibu bilanċ bejn ix-xogħol, ir-rwol tagħkom ta’ ġenituri u l-ħin ta’ kwalità ta’ bejnietkom?

Clayton: Sfortunatament kif diġà għidt, qed inkun wisq imħabbat bħalissa allura diffiċli ssib bilanċ. Id-drama teħodlok hin twil ħafna. Bħalissa qed inkun madwar 30 siegħa fil-ġimgħa fuq is-sett. Dan apparti x-xogħol, l-istudju, u r-radju fost l-oħrajn. Min-naħa l-oħra qed naħdem biex insib bilanċ minn April/Mejju li ġej, meta l-proġetti li qed naħdem fuqhom ikunu lesti.

Lenies: Ħa jkolli nerġa’ nirrepeti però kif għidt diġà, li darba fil-ġimgħa Noah jorqod għand xi ħadd tal-familja u jkollna lejla għalina.

Irrakkuntawlna xi praspura li għamiltu jew ġratilkom…

Clayton: Darba, għal wieħed mill-ewwel birthdays tiegħi flimkien, bħala rigal Lenies kienet organizzatli Surprise Birthday Party, ħafna mistednin, ħafna ikel, xorb, Dj… kull ma tista’ timmaġina. Il-problema kienet li meta ġiet biex tħallas irrealizzat li ma kellhiex flus fuqha, u spiċċajt ħallast għal kollox jien… veru kont ħadtha s-SORPRIŻA!

Lenies: Clayton semma tal-party tiegħu, imma anke jien għandi storja fuq il-party tiegħi!!! Meta għalaqt 23, Clayton għamilli surprise party u vera kien surprise għax fih ipproponieli. Is-sid tas-sala kienet diġà telqet u talbet biex il-ħlas jitħallas onlajn… Clayton ma kellux online banking u surprise surprise… ħallastu jien!! Però jien u Clayton nimxu kont wieħed, jiġifieri ftit li xejn tagħmel differenza fil-verità.

X’jogħġobkom l-aktar f’xulxin?

Clayton: Togħġobni ħafna minn barra, però l-karattru ta’ Lenies f’għajnejja u għalija hu perfett.

Lenies: F’Clayton, apparti d-dehra tiegħu jogħġobni ħafna kemm hu missier tajjeb u jinżel għal-livell ta’ Noah u kemm iħobb lili u lit-tifel. Apparti hekk, l-aktar ħaġa li togħġobni fih hi l-kreattività li għandu.

Fuq xiex targumentaw l-aktar?

Clayton: Rari nargumentaw… Aktar minn hekk, ma nżommux f’qalbna.

Lenies: Rari biex nargumentaw, u meta nargumentaw nispiċċaw nidħku bis-sitwazzjoni fl-aħħar.

Min minnkom hu l-aktar romantiku? U x’kienet l-aktar ħaġa romantika li għamiltu lil xulxin?

Clayton: Naħseb jien… Aktar milli ħaġa partikolari, inħobbu nfissdu lil xulxin. Fis-sens nagħmlu affarijiet ta’ kuljum biex nikkuntentaw lil xulxin.

Lenies: Bla dubju Clayton, jien iktar naqa’ man-naħa tas-salvaġiżmu. Naħseb l-iktar waħda romantika kienet meta pproponieli.

Hemm xi ħaġa li tixtiequ tagħmlu flimkien, li s’issa għadkom qatt m’għamiltu?

Clayton: Nixtieq ħafna mmur nara l-Inter ma’ Lenies. Jien iffissat fuq il-futbol, speċjalment fuq l-Inter, u nixtieq li jkolli l-opportunità li mmur nara t-tim favorit tiegħi mal-ikbar ħabiba li għandi.

Lenies: Għadna qatt ma sifirna flimkien.

Xi tfisser l-imħabba għalikom?

Clayton: Jiddependi s-sitwazzjoni. Tista’ tfisser daħq, sagrifiċċji, xalar, ħolm, suċċessi, tbatija, diżappunti, tbissim. L-imħabba hija l-kulur tal-ħajja.

Lenies: Sagrifiċċji li koppja tkun lesta tagħmel għal xulxin. Eżempju ċar hu ż-żmien li wellidt lil ibni, dak iż-żmien Clayton kellu panto għaddejja u darba niftakar kienet l-aħħar ġurnata tal-panto u wara x-show kellu jiżbarazza s-sala mill-props u s-sett li kien hemm. Dan kollu apparti x-xogħol li jkun sar mal-ġurnata. Miskin kien għajjien mejjet, qatt ma rajtu għajjien hekk, spiċċa minn hemm tard ħafna, però kif lesta xorta waħda ġie l-isptar biex ikun magħna. Dik baqgħet f’moħħi.

Għidulna kurżità dwarkom li ħadd ma jaf jew ftit nies jafu biha…

Clayton: Dan hu it-tielet tieġ li qed nippjanaw. L-ewwel wieħed konna se niżżewġu Sqallija, konna diġà bbukkjajna l-knisja. Wara ħafna xogħol Lenies darilha għax xtaqet tieġ differenti, u ddeċidejna li niżżewġu Għawdex… Hawn ukoll ibbukkjajna l-knisja… Sakemm Lenies reġa’ darilha għax reġgħet xtaqet tieġ differenti…. Sakemm wasalna għal dan… li se jkun tradizzjonali. Nisperaw li ma jerġax jibdielha li tbiddel xi ħaġa għax iż-żmien gerbeb ġmielu issa!

Lenies: Kif qal Clayton, tat-tieġ… li dan hu t-tielet tieġ li qed nippjanaw, però kieku mhux ħa niżżewweġ hekk lil missieri u lil ommi kont inġenninhom! Għall-fatt li huma dulċiera u ilhom jagħmlu tiġijiet żmien. Kienet tkun għafsa ta’ qalb kbira li kieku t-tieġ ta’ binthom ma kienx ħa jkun f’idejhom.

X’inhuma l-ħsibijiet tagħkom dwar Jum San Valentinu? Tiċċelebrawh?

Clayton: Nemmen li festi bħal dawn (San Valentinu, l-Milied, il-Karnivall, Birthdays eċċ) Tista’ tarahom minn żewġ angoli. Angolu minnhom hu li huma business events. Din tajjeb li wieħed iżommha f’moħħu, għax ġieli tara nies jagħmlu sagrifiċċju akbar milli jistgħu biex jiċċelebraw event partikolari. Min-naħa l-oħra huma wkoll ta’ opportunità biex ingawdu l-mumenti. Ngħixu f’ħajja mgħaġla ħafna. B’hekk dawn l-avvenimenti speċjali jgħinuna nieqfu u ngawdu n-nies importanti f’ħajjitna. Jien inħobb insejħilhom bħala taħbita/tfakkira biex nieqfu ftit u ngawdu aktar il-mument.

Lenies: Tant qiegħdin ngħixu ħajja mgħaġla li bis-saħħa ta’ dawn il-festi, wieħed ikollu opportunità li jieqaf ftit u jgawdi aktar.

Kif beħsiebkom tqattgħu Jum San Valentinu?

Clayton: Se mmorru nieklu flimkien u nqattgħu ftit ħin ta’ kwalità waħedna…. fejn xi sorpriża ma tonoqsx…

Lenies: Iva ħerġin nieklu u minħabba fina l-kunjata mhux se jiċċelebrawh għax iridu joqogħdu ma’ Noah! (Viva l-libsa tat-tieġ … aqta’ kemm se tidħol!)

X’messaġġ tgħaddu lil xulxin għal Jum San Valentinu?

Clayton: Inħobbok Lenies. Ngħidhielek kuljum u nħoss li ma ngħidhielekx biżżejed. Grazzi talli mlejtli ħajti b’affarijiet li lanqas qatt ma ħlomt li kien se jkolli.

Lenies: Grazzi Clayton talli dejjem tkun hemm, bastun għalija lest biex tgħini u tismagħni. Apparti li fik sibt l-imħabba ta’ ħajti sibt ukoll ħabib ġenwin. Inħobbok u iġri tasal dik il-ġurnata li tkun żewġi T-68.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks