Infrastructure Malta qed tavża li parti mit-triq Aldo Moro, il-Marsa tinsab magħluqa. Għaldaqstant wieħed għandu jevita din it-triq biex jasal minn jew lejn in-nofsinhar ta’ Malta.
Minflok, wieħed għandu juża r-rotot alternattivi minn Ħal Qormi u Ħal Luqa. Bħalissa għaddejja ħidma flimkien ma’ Transport Malta, mal-Korp tal-Pulizija u entitajiet oħrajn sabiex it-triq terġa’ tinfetaħ mill-aktar fis possibbli.
Dan seħħ wara l-inċident li seħħ aktar kmieni llum fejn ħalla żagħżugħ ta’ 28 sena mejjet wara li nqaleb trakk mimli ħadid fi Triq Aldo Moro, il-Marsa. Huwa ġie ċċertifikat mejjet ftit wara li ttieħed l-isptar Mater Dei. Huwa mifhum li l-persuni l-oħra involuti fl-inċident ma sofrew l-ebda ġrieħi.
Xħin seħħ l-inċident, iż-żagħżugħ, li kien jaħdem ma’ kumpanija lokali li tqassam l-ikel, kien fi triqtu biex iwassal ordnijiet tal-ikel.
