Kont qed inħares lejn ommi tqaxxar basla, u ġietni l-idea li nqabbel il-basla mal-ferħ. Bħalma l-basla fiha ħafna saffi biex tqaxxarha u ma’ kull saff nibku xi ftit, hekk ukoll il-ferħ fih is-saffi tiegħu u qatt ma nistgħu nneħħu s-saffi kollha biex inħaffu u nsibu l-ferħ mill-ewwel, għax dan hu proċess li jdum tul ħajjitna kollha.

Ħafna jagħżlu li ma jqaxxruhiex il-basla għax jiddejqu joqogħdu jibku, iżda mbagħad it-togħma tagħha jħobbuha. Forsi, mhux mal-ewwel saff tat-tfulija, imma aktar kemm inqaxxar saffi fil-ferħ, aktar qed insib u naffaċċja element ta’ tbatija fihom. L-akbar tentazzjoni li dejjem titurmentani hi biex ma nkomplix inqaxxar dawn is-saffi ħalli t-tbatija tieqaf. Imma mbagħad insib lili nnifsi f’salib it-toroq, għax vera t-tbatija tieqaf, imma mbagħad nibqa’ ma niskopri qatt x’ inhu l-ferħ vera. L-istess bħal min jagħżel li ma jqaxxarx il-basla, ma jistax ikun jaf x’togħma fiha.

Kull bniedem jaspira, jaħdem u jistinka ħafna biex ikun ferħan f’ħajtu. Iqatta’ parti sostanzjali minn ħajtu jfittex x’jagħmlu kuntent. Ħafna drabi t-tfittxija tiegħu għall-ferħ tieħdu f’toroq u postijiet l-aktar imbegħda minnu nnifsu, bil-konsegwenza li jispiċċa b’vojt kbir, li jitfgħu f’baħar ta’ deżolazzjoni u ansjetà qawwija.

Din it-triq ta’ baħħ assolut jien kont bdejt nimxiha, konvinta li xi mkien fil-qrib kont ħa nsib il-ferħ. Ironikament, aktar kemm bdejt nimxi, dan il-vojt fija aktar beda jikber u jikber ġewwa fija. Bdejt nitlef il-fiduċja fija nnifsi u kuljum inħobb ftit inqas. Sakemm ġejt fi stat fejn għidt, ma jistax ikun nibqa’ sejra hekk, bla entużjażmu ta’ xejn lejn il-ħajja.

Ħassejtni bħal dawk li jridu jieklu l-basla għax iħobbuha, imma ma jridux u ma sabux min iqaxxarilhom. B’xi mod jew ieħor ikollhom isibu mezz kif iqaxxruha huma, inkella jibqgħu ma jikluhiex! U anke jien iddeċidejt li nibda nqaxxar dil-basla tal-ferħ, vera li aktar kemm bdejt inneħħi saffi aktar bdejt nibki u kont ħa nerġa’ nieqaf l-aħħar!

Imma, fl-istess ħin ma’ kull saff tal-ferħ bdiet tiġi skolpita mill-ġdid il-persuna tiegħi nnifsi. Persuna pożittiva u libera, li bdiet tikteb l-uġigħ tagħha u kulma tgħaddi minnu u taqsmu mal-oħrajn. Jien stess bdejt niskanta, kif dan kollu beda jħalli effett f’ħajti u f’ħajjet l-oħrajn.

Nista’ ngħid li meta ħriġt minni nnifsi u qaxxart is-saff tal-egoiżmu sibt il-ferħ. L-aqwa arma għall-ferħ vera mhux li nkun kuntenta jien biss, imma li ngħin lill-oħrajn iqaxxru l-basla tal-ferħ ukoll.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks