F’konferenza tal-aħbarijiet dwar l-IVF, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mit-Tnejn li ġej il-kwarantina għal min hu mlaqqam kompletament u jkun f’kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi se tonqos minn sebat ijiem għal ħamest ijiem.

Ħabbar ukoll li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi, mis-7 ta’ Marzu, il-kwarantina se titneħħa għal kollox għal dawk li jkunu f’kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi. Mis-7 ta’ Marzu wkoll, għal dawk li jkunu mlaqqma kompletament u jkunu pożittivi, il-kwarantina se tonqos minn għaxart ijiem għal sebat ijiem u fis-seba’ ġurnata jsir rapid test biex wieħed ikun ċert li huwa negattiv.

Mis-7 ta’ Marzu, dawk it-tfal li jkunu f’kuntatt ma’ persuni pożittivi, u huma mlaqqma biż-żewġ dożi mhux se jkun hemm il-bżonn li joqogħdu kwarantina.

Dwar imwiet u funerali marbuta mal-Covid-19, il-Ministru Chris Fearne qal li b’mod immedjat, iż-żmien li fih irid isir il-funeral ta’ persuna li tkun tilfet ħajjitha waqt li kienet pożittiva għall-Covid-19, ġie estiż minn 24 siegħa għal 48 siegħa.

Huwa fakkar li l-għan huwa li għall-bidu tas-sajf ikunu tneħħew il-maġġoranza tal-miżuri li qiegħdin fis-seħħ bħalissa.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks