“Dak il-misħut poter…….” kienet qaltli b’xufftejha xotti. Kull darba li kont insemmilha l-gwerra jew lill-papà, kienet tinbidel.
Ġimgħa ilu konna ħriġna mid-dar u kien sar attakk tassew ikrah.
Kont rajt nies jiġru ‘l hawn u ‘l hemm, kulħadd jipprova jsalva. Konna nidħlu nħaffu taħt l-art għax hemmhekk biss kienu jgħidu li kien ikun sigur. Fix-xelter kien ikun hemm ħafna rwejjaħ ta’ nies differenti, kulħadd iddisprat, kulħadd beżgħan u mnikket.
U ġieli konna ngħaddu ġranet sħaħ hemm taħt. Ġuħ u dwejjaq.
U kienet tiġini nostalġija kbira għal missieri. Minjaf fejn kien? Minjaf jekk kienx f’post sigur? Minjaf kemm kien qed ibati?
Kont twerwirt dakinhar.
U għal ftit minuti, hekk xħin konna ġejjin lura hawnhekk, kont tlift lil ommi u ma stajtx naraha! F’dak il-paniku ta’ nies kont iġġennint!
“Mia!”
“Mamà!”
Uċuh.
Uċuh differenti.
Espressjonijiet differenti ta’ nies li lanqas biss kienu jafu x’kienu qiegħdin jagħmlu. Kulħadd mitluf. Kulħadd imwerwer.
Il-ħoss tal-bomba tant kienet qawwija li kienet tarrxitli widnejja għal ftit minuti.
Iżda mbagħad, bejn għax bdew jimbuttawni n-nies ‘il quddiem u bejn għax ma kontx naf fejn kont sejra, rajt it-triq u ġejt niġri hawn.
U ġejt hawn għall-kenn.
Kieku ġrali xi ħaġa, kif kont se nkun qiegħda hawn nistennih? U nserraħ moħħi li kien għadu qawwi u sħiħ?
It-tektik tax-xita kien kważi waqaf għal kollox. U l-ġranet ta’ wara għaddew malajr wisq.
Kont qiegħda nistenna dik il-ġurnata li missieri kellu jiġi lura d-dar.
Illum.
Illum kien lejlet il-milied.
Kont rajt lil ommi nkwetata. Dawn l-aħħar ġranet kont qed nismagħha tibki kuljum f’kamritha. Lanqas biss kienet ġiet tkellimni. Ħallietni hawn waħdi. Donnha anke hi kienet se titlaqni. Tħallini waħdi.
Il-kesħa ta’ dik l-għodwa kienet ixxoqq l-għadam, iżda jiena ma kontx qed inħossha. Kont qiegħda f’nofs il-kamra, nipprattika l-valz. Ma ridtux jiġi lura u jsib li kont insejt niżfen. Stajt nisma’ leħen ommi mill-kamra l-oħra. Kienet għadha qiegħda tibki. Imma issa la jasal il-papà żgur kienet tieqaf! Issa tara!
Bdejt indur mal-kamra u nidħaq waħdi.
Kelli seba’ mitt sena……………
Tgħid kien ġej? Ma kien ġralu xejn hux?

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks