Id-dramm satiriku Il-Qarċilla, hija tradizzjoni tal-karnival li ma tmut qatt. Wara li s-sena l-oħra, minkejja l-isfidi tal-pandemija, ġiet adattata għat-televiżjoni u kisbet suċċess xorta waħda, din is-sena se tkun edizzjoni speċjali oħra għaliex għall-ewwel darba ġiet maħsuba għal teatru aktar intimu, minflok għat-teatru tat-triq kif normalment issir.
L-ewwel Qarċilla li nafu biha inkitbet minn qassis Dun Feliċ Demarco fl-1760, iżda wara ħafna snin, reġgħet sabet postha fil-karnival ta’ Malta fl-2014.
Il-Qarċilla ta’ din is-sena se ssir fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta, nhar il-Ġimgħa l-25 ta’ Frar fit-20:00, is-Sibt is-26 ta’ Frar fit-20:00 u l-Ħadd is-27 ta’ Frar fis-19:00,

Din hija togħma ta’ x’se nkunu qed nistennew fit-tliet produzzjonijiet li ġejjin:
In-Nutar Ġużi Loffreda ma jaqta’ qalbu minn xejn. Kienet sena oħra ta’ taqtigħ il-qalb, iżda l-ħajja ma tistax tieqaf. Mhux talli hekk, talli ddeċieda li jħabrek iżjed, u l-kuntratti sar jagħmilhom tlieta tlieta. Il-klijent jinqeda, u hu jitħallas ta’ tlieta fil-ħin ta’ wieħed! Kulħadd kuntent!
Iżd’huma kuntenti? Benji-K, il-preżentatur-mudell-influwenzer u t-tfajla tiegħu l-kantanta Krista-lina, huma henjin flimkien? U r-Reverendu Johnny Bendu vera jemmen li, praise the Lord, Mattea Grech għandha tkun martu? U Daren Callus u Wendy Thermos huma vera maħbubin jew sempliċiment magħqudin flimkien biss sakemm hemm xi protesta għaddejja?
Imnalla hemm il-Perit Frankie Concrete u t-Tabib JP Zammit, it-tnejn kandidati fuq l-istess distrett, jgħinuhom jagħmlu l-għażliet tajbin. Ovvjament, sakemm ma jfixkilx kollox l-Ispettur tas-Saħħa, is-Sur Klin de Chanteclair! Iżda fi kliem l-illustri Nutar Loffreda:
Evviva l-Qarċilla
Evviva dal-kuntratt
Għax f’dan it-taħwid kollu
Hi biss li ma tmut qatt!

B’kitba ta’ Ċikku l-Poplu u direzzjoni u produzzjoni ta’ Joseph Galea, il-Qarċilla se tiġi interpretata mill-atturi Matthew Balzan, Patrick Tanti, Fabio Mifsud, Sandro Vella, Karl Schembri, Rachel Micallef, Nathaniel Galea, Maria Galea Farrugia, Ryan Galea u Stephanie Sacco, bis-sehem tal-mużiċisti Albert Garzia, Kim Mercieca u Matthew Vella.

Tista’ tattendi billi tibbukkja l-biljetti tiegħek minn hawn.
