Jane Marczewski, stilla ta’ America’s Got Talent, mietet fl-età ta’ 31 sena wara battalja twila mal-kanċer.
Il-kantanta, li kienet tuża Nightbirde bħala l-istage name tagħha, ġibdet l-attenzjoni ta’ ħafna u saret magħrufa mad-dinja wara li s-sena l-oħra tat audition mill-isbaħ fuq America’s Got Talent.
Hija impressjonat lil Simon Cowell mhux biss għall-prestazzjoni tagħha tal-kanzunetta It’s OK, imma wkoll bil-pożittivita u d-determinazzjoni tagħha, tant li taha il-Golden Buzzer, li wassalha għall-fażi li kien imiss fil-kompetizzjoni.
“Ma tistax tistenna sakemm il-ħajja ma tibqax qabel ma tiddeċiedi li tkun kuntent”
Nightbirde
Hija kisbet suċċess mil-lejl għan-nhar hekk kif il-filmat tal-prestazzjoni tagħha għandu aktar minn 30 miljun view fuq YouTube.
Waqt il-prestazzjoni tagħha, hija qalet lill-ġurija li kienet qed tiġġieled kontra l-kanċer li kien mifrux.
Minkejja li eventwalment kellha titlaq mill-kompetizzjoni, f’intervista li saret virtwalment, hija qalet li kienet tinsab kuntenta ħafna li l-kanzunetta tagħha ntlaqgħet daqshekk tajjeb minn nies madwar id-dinja.
Sors qal lill-midja barranija TMZ li l-kantanta mietet il-Ħadd wara xhur ta’ kura. Sfortunatament, il-marda kienet infirxet fil-pulmun, is-sinsla u l-fwied tagħha.
Wara l-aħbar traġika, il-komiku u wieħed mill-ġurija ta’ America’s Got Talent Howie Mandel qal li l-kantanta kienet dawl ta’ ispirazzjoni tant qawwi u wieħed irid ikompli jgħix u jitgħallem mill-kliem u l-lirika tagħha.
@_nightbirde was such a bright inspirational light in all our lives.we must continue to live and learn from her words and lyrics. As much as I feel horribly about her passing I feel lucky to to have met, heard and known her.
— Howie Mandel (@howiemandel) February 21, 2022
