Select Page

L-ewwel nett irridu nifhmu ftit iktar xi jkun qed jiġri f’ġisimna meta nħossuna għajjenin iktar mis-soltu, meta ma nidiġerixxux l-ikel sew u meta nħossu nefħa li ddejjaqna wkoll.

Iktar ma titgħallem iktar tifhem. Dan il-ġisem prezzjuż u jaħdem skont kemm nieħdu ħsiebu, jiġifieri mirakli ma jsirux. Irid ikun hemm bidla fl-attitudni tagħna biex l-affarijiet jinbidlu. Però la int responsabbli minn saħħtek il-bidla faċli ssir ukoll għax qiegħda fil-kontroll tiegħek.

Il-ġisem tal-bniedem huwa sistema kumplessa ta’ organi li jaħdmu flimkien biex iżommu l-magna għaddejja, waħda tant sofistikata li malajr iħawwdu l-moħħ ta’ min jiddiletta f’dan il-qasam. Għall-għan tad-detoxing, għandna nħarsu aktar bir-reqqa lejn erba’ organi ewlenin:

Il-Fwied

Peress dan huwa l-organu l-aktar magħruf għat-tiswif tal-ġisem, huwa tajjeb li nibdew bih. Il-fwied huwa essenzjali biex jirregola l-organi l-oħrajn, il-glandoli u l-ormoni. Il-fwied ikisser ix-xaħmijiet, kif ukoll l-ormoni sabiex dawn jintużaw mill-ġisem. Dan l-organu huwa kruċjali għal-metaboliżmu, u għalhekk irridu nieħdu ħsiebu.

Il-Kliewi

Dawn l-organi tant huma importanti, li għandna tnejn minnhom! Xogħolhom huwa li jneħħu l-ħmieġ, jibbilanċjaw id-demm, jirregolaw il-pressjoni, u jgħinu l-produzzjoni tal-vitamina D. Jekk tieħu ħsieb dawn l-organi sew, tista’ tipprevjeni l-ġebla fil-kliewi (infezzjonijiet renali), issaħħaħ l-immunità u tnaqqas l-infjammazzjonijiet, fost oħrajn.

Il-Frixa

Kif għidna fil-bidu, il-ġisem huwa sistema sofistikata ta’ organi jaħdmu flimkien, iżda mingħajr il-frixa tagħmel l-almu tagħha, il-bqija tal-ġisem ma jiswa xejn. Dan l-organu jipproduċu l-enżimi meħtieġa biex il-ġisem ikisser u jassorbi  dak kollu li jidħol fih – karboidrati, proteini u xaħmijiet, kif ukoll jipproduċi l-insulina, li tirregola z-zokkor fid-demm. Meta l-ġisem ngħabbuh b’ħafna tossini, dan jaf iwassal għall-mard tal-frixa, li tista’ tissawwar f’dijabete u kundizzjonijiet serji oħrajn. Bl-għerf tax-xjenza, illum nafu li jekk nieħdu ħsieb dan l-organu, is-saħħa bosta drabi tmur għall-aħjar.

Il-ġilda

Ftit jobsru li l-ġilda hija meqjusa bħala organu, u aktar minn hekk, li hija l-akbar organu, magħmula mill-ilma, proteini, xaħam, minerali u ormoni. Apparti li l-ġilda hija id-difiża ewlenija  biex iżżomm it-tossini barra,  hi tirregola t-temperatura tal-ġisem, tipproteġi l-interni vitali tal-ġisem (għadam, muskoli, ligamenti u l-organi) mill-batterji u elementi ħżiena tal-ambjent. Il-ġilda tieħu ħsieb ukoll il-produzzjoni tal-vitamina D u tippermettilna nesperjenzaw id-dinja ta’ madwarna b’netwerk massiv ta’ nervituri. Il-ġilda tadatta għall-ambjent li tkun fih. Meta tkun niexfa, irqiqa, impaħpħa jew imtebba, dawn mhumiex biss marki tax-xjuħija, iżda sinjal li teħtieġ li nieħdu ħsieba biex tkun tista’ tagħmel xogħolha aħjar.

Mela l-ewwel pass hu li nieklu ikel naturali mhux proċessat. Nitgħallmu nsajru b’mod effiċjenti ħalli kif jaħtafna l-ġuħ nieklu ikel tajjeb u bnin. Nixorbu ħafna ilma matul il-ġurnata ħalli s-sistema taħdem mod effettiv.

Ftakar li ġejna maħluqa biex nieklu dak li toffri l-art. Hemmhekk nibdew naraw bidliet pożittivi.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks