Select Page

Jien kuljum nittawwal minn wara l-persjani, u bħali jagħmlu ħafna oħrajn. Dawn il-persjani li jitbexxqu meta jitbexxqu dejjem nara lil xi ħadd jgħaddi minn quddiemhom. Le, jien ma nittawwalx minn wara dawn il-persjani għax jien anzjana, imma għax jien mara żagħżugħa li nħobb nirrifletti u nosserva ħafna fuq il-mod kif qed jgħixu n-nies.

Biss wisq nibża’ li n-nies l-oħra li bħali jittawwlu minn wara dawn il-persjani ta’ facebook m’għandhomx l-istess għanijiet bħal ma jkolli jien. Ma nistax nitfa’ lil kulħadd f’keffa waħda, għax mhux kulħadd l-istess imma nħoss li l-għan ewlieni għalxiex wieħed jidħol jittawwal waħda fuq facebook ikun biex joqgħod izekzek fuq dik u fuq l-oħra.

Sakemm inkunu qed nagħmlu hekk bejna u bejn ruħna, ma nkunux qed nagħmlu ħażin sa barra għax almenu ma nkunu qed naffettwaw lil ħadd bil-ġudizzju tagħna. L-agħar ħaġa, dejjem kif naraha jien tkun meta ma jkollniex għarfien biżżejjed dwar is-suġġett jew il-persuni kkonċernati, u naqbdu niktbu dak kollu li jiġina f’moħħna u għall-ilsienna, mingħajr ma nqisu li aħna mhux mal-iskrin inkunu qed nirremettu dak kollu li jkollna fuq l-istonku.

Irridu nżommu f’moħħna, li fuq ix-xaqliba l-oħra hemm persuna bħalna, bid-demm jiġri fil-vini tagħha u b’qalb tal-laħam li tħoss u tħabbat. Kull taħbita ta’ din il-qalb hija karba maħruġa f’forma ta’ status fuq facebook minn kull bniedem. Bit-tama li xi ħadd jifhem dak li jkun għaddej minnu u joffrilu l-id tal-ħbiberija.

Hi ħasra kbira, li jien l-ewwel waħda, nintefa’ u nqatta’ ħafna ħin niskrolja ‘l fuq u ‘l isfel mingħajr ma nħalli l-posts li nara u naqra fuq facebook, jinżlu f’qalbi u jħallu l-effett li suppost għandhom iħallu fuqi. Inħoss ukoll, li għalhekk sirna nibżgħu u tlifna l-kapaċità li noqogħdu mal-emozzjonijiet tagħna; għax fil-waqt li nistgħu niftħu u nagħlqu l-persjana tal-facebook x’ħin irridu, ma nistgħux nagħmlu l-istess għall-persjana tal-emozzjonijiet tagħna.

Din il-persjana tal-emozzjonijiet, li anke meta nisfurzaha biex nagħlaqha, ġieli tibqa’ miftuħa biex iġġibni konxja li ma nistax nibqa’ naħrab minn dawn l-emozzjonijiet, li spiss jitilgħu fija. Dawn l-emozzjonijiet jisfidawni, biex niffaċċjahom u nalloka l-ħin li hemm bżonn biex ninħeles minnhom.

Ngħid għalija, inħoss responsabilità kbira, kull darba li nikteb jew niftaħ din il-persjana tal-facebook. Nipprova dejjem inżomm f’moħħi li kulma nara fuq din il-persjana, għandu jew ħa jħalli effett fuq il-ħajja tan-nies għall-perjodu twil ta’ żmien u jista’ jkun li dan l-impatt ikun dejjiemi!

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks