Il-President George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ikkundannaw l-attakki fuq l-Ukrajna li bdew proprju dalgħodu.

Fi stqarrija, il-President George Vella esprima tħassib tiegħu u wassal l-appoġġ tiegħu lill-Gvern u lill-poplu Ukren.

Huwa qal li dan li qed iseħħ jirrappreżenta theddida mhux biss għall-poplu Ukren iżda wkoll għall-istabbiltà Ewropea u globali. Appella wkoll għal waqfien immedjat tal-attakki u irtirar tal-forzi militari mill-Ukrajna u għar-rispett tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

Il-Prim Ministru qal li minkejja li Malta se tibqa’ konsistenti favur in-newtralità u l-paċi, wieħed ma jistax jibqa’ sieket meta jkun hemm attroċitajiet, tbatija u mwiet.

Qal li t-tensjoni fl-Ukrajna u l-intelliġenza dwar il-possibbiltà ta’ attakk militari ilha tippersisti, iżda x-xeni li qed naraw bħalissa huma ta’ swied ta’ qalb. Qal li l-attentat ta’ invażjoni ta’ partijiet mill-lvant tal-Ukrajna u li qed jiġu rrappurtati eqreb lejn il-punent f’Kyiv, dejjem xtaqna li ma narawx bħalhom.

Huwa qal li bħala nazzjon għandna dover li nitkellmu u nsemmgħu l-vuċi tagħna u filwaqt li nkunu ċari u nwasslu messaġġ ta’ paċi kull fejn hemm tensjonijiet, imma rridu nikkundannaw dawn it-tip ta’ gwerer.

Żied jgħid li l-appell tal-Gvern Malti li anke l-miżuri li se jittieħdu mill-Unjoni Ewropea fl-aħħar mill-aħħar iwassal għall-paċi u l-ordni, madanakollu se jibqa’ jagħti l-appoġġ u juri solidarjetà mal-Ukrajna. Dan filwaqt li jikkundanna kwalunkwe aggressjoni jew theddida fuq l-integrità u s-sovranità territorjali ta’ dan l-istat.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ikkundannaw l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna u qal li din tmur kontra l-integrità territorjali Ukrena li Malta tinsisti li tiġi rispettata.

Huwa saħaq li Malta trid tappoġġja bis-sħiħ l-isforzi Ewropej permezz ta’ sanzjonijiet ekonomiċi.

Esprima wkoll it-tħassib tiegħu li l-edukazzjoni tat-tensjoni fir-reġjun permezz tal-aggressjoni Russa fit-territorju Ukren toħloq impatti lil hinn mir-reġjun. Għaldaqstant saħaq li jeħtieġ koordinament fuq livell Ewropew biex l-effetti ikollhom l-anqas impatt fuq għajxien tal-Ewropej u tal-Maltin b’mod partikolari.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li dan hu mument ikrah ħafna, delikat I ta’ theddida għall-istabbiltà fl-Ewropa u madwar id-dinja, u għaldaqstant filwaqt li għandna nuru solidarjetà mal-poplu Ukren u nosservaw in-newtralità tagħna, irridu nwasslu l-messaġġ li azzjonijiet li jpoġġu f’riskju l-integrità u s-sovranita ta’ pajjiż mhumiex aċċettabbli.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks