Rapporti żvelaw li l-pulizija fir-Russja arrestat aktar minn elf persuna waqt protesti kontra l-gwerra li saru fi bliet madwar il-pajjiż wara li l-President Vladimir Putin ordna invażjoni fl-Ukrajna.
Aktar minn 700 persuna ġew arrestati f’Moska u madwar 340 persuna fit-tieni l-akbar belt, Saint Petersburg.
Qed jingħad li l-invażjoni tal-Ukrajna qed isseħħ waqt repressjoni bla preċedent fuq l-oppożizzjoni Russa, bil-biċċa l-kbira tal-mexxejja tal-protesti maqtula, mibgħuta l-ħabs jew imġiegħla joħorġu mill-pajjiż.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni li jinsab il-ħabs, Alexey Navalny, li kien imexxi l-akbar protesti tar-Russja kontra Putin, qed jiskonta sentenza ta’ sentejn u nofs f’kolonja penali barra Moska.
Għadd ta’ attivisti Russi talbu fuq il-midja soċjali biex in-nies joħorġu fit-toroq wara li Putin ordna l-invażjoni tal-Ukrajna fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.
Petizzjoni mibdija minn attivist prominenti tad-drittijiet tal-bniedem, Lev Ponomavyov, ġabret aktar minn 150,000 firma fi ftit sigħat u 289,000 sal-aħħar tal-ġurnata.
Aktar minn 250 ġurnalist iffirmaw fuq ittra miftuħa kontra l-aggressjoni. Oħra ġiet iffirmata minn madwar 250 xjenzat, filwaqt li 194 membru tal-kunsill muniċipali u bliet oħra ffirmaw ittra oħra.
