Select Page

F’konferenza tal-aħbarijiet, id-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mit-Tnejn 7 ta’ Marzu dawk li huma secondary contacts u mhumiex imlaqqma mhumiex se jkunu obbligati li joqogħdu kwarantina.

Dawk li huma primary contacts u mhumiex imlaqqma, mis-7 ta’ Marzu l-perjodu ta’ kwarantina se jonqos minn 14-il ġurnata għal 5 ijiem mit-test.

Huwa fakkar li mit-Tnejn 7 ta’ Marzu se titneħħa kompletament il-kwarantina għall-primary contacts li huma kompletament imlaqqma se titneħħa għal kollox.

Mis-7 ta’ Marzu wkoll, dawk il-persuni li jkunu mlaqqma u jkunu ġejjin minn pajjiżi kkunsidrati dark red, il-perjodu ta’ kwarantina se jonqos minn għaxart ijiem għal sebat ijiem.

Il-Gvern Malti se jkun ukoll qed jagħraf ukoll ċertifikati tat-tilqim approvati mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u mhux biss dawk approvati mill-Unjoni Ewropea.

Mis-7 ta’ Marzu se titneħħa wkoll ir-restrizzjoni li l-istabbilimenti jiftħu matul il-lejl jiftħu sas-1 ta’ filgħodu u allura dawk li l-liċenzja tagħhom tippermettilhom li jdumu aktar se jkunu jistgħu joperaw sa ħinijiet aktar tard.

Dwar il-maskri, minbarra li diġà tħabbar, mill-14 ta’ Marzu mhux se jibqgħu obbligatorji f’postijiet pubbliċi fuq barra sakemm ma jkunx hemm attivitajiet tal-massa.

Il-Ministru Fearne qal li bħalissa qed tiġi analizzata s-sitwazzjoni fl-iskejjel u jekk sa wara l-vaganzi tal-Għid is-sitwazzjoni tkun kif qed tiġi antiċipata li tkun, hemm il-possibbiltà li t-tfal ma jkunux obbligati jilbsu l-maskra fil-klassijiet.

Attivitajiet organizzati bilwieqfa fuq barra se jkunu jistgħu jsiru b’mod normali mingħajr restrizzjonijiet mit-Tnejn il-11 t’April filwaqt li fuq ġewwa dan se jkunu limitati għal persuni mlaqqma biss. Dan se jkun japplika wkoll għat-tiġijiet.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks