Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy qal li pajjiżu tħalla jiġġieled waħdu kontra r-Russja.

Huwa qal li skont ċifri preliminari, mill-inqas 137 suldat Ukren inqatlu minn meta bdiet l-invażjoni Russa kmieni l-Ħamis, u 316-il suldat spiċċaw midruba.

F’messaġġ li għadda permezz ta’ vidjow, Zelenskyy qal li d-dinja qed tosserva dak li qed jiġri fl-Ukrajna mill-bogħod u li l-pajjiżi qed jibżgħu jappoġġjaw l-adeżjoni tal-Ukrajna man-NATO.

Huwa qal li minkejja li mexxejja barranin qed jissapportjaw lill-Ukrajna, kulħadd qed jibża’ jinvolvi ruħu. Qal li huwa grat għal kull stat li jgħinhom b’mod konkret, mhux biss bil-kliem.

Zelenskyy qal li s-sanzjonijiet mhumiex biżżejjed biex iwaqqfu lir-Russja u tħallew waħedhom biex jiddefendu l-istat tagħhom. Żied jgħid mhu qed jara lil ħadd li lest li jiġġieled magħhom kontra r-Russja.

Qal ukoll li staqsa lis-27 mexxej tal-Ewropa jekk l-Ukrajna hux se tkun fin-NATO u ma ngħatax risposta għaliex skont hu, qed jibżgħu.

Il-President Amerikan Joe Biden u l-Prim Ministru Boris Johnson it-tnejn ħabbru sanzjonijiet iebsa kontra r-Russja iżda mhux se jibagħtu truppi.

Zelenskyy kkonferma wkoll li se jibqa’ fil-kapitali mal-familja tiegħu minkejja li jinsab fil-mira tar-Russi.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks