Select Page

Għexieren ta’ eluf ta’ Ukreni diġà qasmu lejn pajjiżi ġirien lejn il-punent hekk kif ir-Russja bdiet tattakka mill-ajru l-kapitali tagħhom u bliet oħra.

Fost dawk li ħarbu mill-gwerra għas-sigurtà tagħhom kienu l-aktar nisa, tfal u anzjani wara li l-irġiel ġew ordnati biex jibqgħu fil-pajjiż u jiġġieldu kontra r-Russja.

Mara minn Kyiv li ħarbet mill-pajjiż u waslet il-Polonja ddeskriviet kif l-irġiel li kienu fuq il-ferrovija fl-Ukrajna ġew ordnati joħorġu minnha qabel ma waslu sal-fruntiera.

Hija qalet li anki jekk raġel kien qed jivvjaġġa mat-tifel tiegħu stess ma setax jaqsam il-fruntiera lanqas b’tifel.

Mara oħra qalet li l-irġiel lanqas biss tħallew jidħlu fl-istazzjon tal-ferrovija.

Skont il-Kummissarju tan-NU għar-Refuġjati, aktar minn 50,000 persuna ħarbu minn pajjiżhom f’inqas minn 48 siegħa, hekk kif ħafna aktar komplew jimxu lejn il-fruntieri. Huwa qal li l-maġġoranza marru l-Polonja u l-Moldova.

Ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Ungerija wkoll qed jipprovdu lin-nies Ukreni li qed jaħarbu mill-gwerra z kenn, ikel u għajnuna legali. Dawn il-pajjiżi ffaċilitaw ukoll il-proċeduri tas-soltu tagħhom fil-fruntieri, fosthom ir-restrizzjonijiet u l-ittestjar tal-Covid-19.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks