Tliet membri tan-Nato ħabbru li se jibagħtu rinforzi biex jassistu lill-Ukrajna fil-ġlieda tagħha kontra r-Russja.

Ir-Repubblika Ċeka impenjat ruħha li tibgħat vjeġġ ta’ armi lejn l-Ukrajna.

L-Olanda se tkun qed tipprovdi 200 missila u materjal ta’ difiża ieħor.

Il-Prim Ministru Portugiż Antonio Costa qal li se jkun qed jibgħat rinforzi biex jingħaqdu mas-suldati Ukreni.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Portugiż kompla jgħid li kien hemm unanimità tal-istati kollha, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-preżenza tan-NATO fuq il-fruntieri tal-Ukrajna u fil-pajjiżi kollha alleati li huma qrib ir-reġjun tal-Ukrajna.

Huwa qal li diversi pajjiżi oħra bħalissa qed jieħdu deċiżjonijiet biex huma wkoll jgħinu.

Il-Ġermanja se tkun ukoll qed tibgħat armi u missili lill-Ukrajna, wara li rreżistiet is-sejħiet preċedenti ta’ Kiev għal armamenti difensivi.

Din hija bidla kbira fil-politika għall-Ġermanja. Dan għaliex fil-ftehim ta’ koalizzjoni tiegħu, il-gvern Ġermaniż kien qabel dwar politika restrittiva tal-esportazzjoni tal-armi li ma tippermetti l-ebda kunsinna ta’ armi lejn reġjuni li jkunu fi kriżi. Il-kunsinna ta’ armi bħal dawn għandha konnotazzjonijiet storiċi wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks