Select Page

Imbagħad ilwejt sieqi u nżilt b’tisbita mal-art. Għal ftit ma tajjartx geddumi!
Imbagħad ħarist lejn idejja u nnutajt li idi kienet għadha mimlija demm.
Minn dakinhar…………..dakinhar tal-attakk……………..
Kien propju dak il-ħin li smajtu.
Il-bieb.
Il-bieb ta’ barra.
Smajt il-ħoss tal-muftieħ dieħel fis-serratura.
Waqaft.
Iċċassajt.
Qalbi għamlet tikk!
Qomt minn mal-art, irranġajt ftit in-nuċċali li kien kważi niżel minn fuq imnieħri bid-daqqa, għaddejt idi minn ġol-qoffa nokkli ħalli ma tantx ikun imħabbel u tlaqt niġri lejn il-bieb ta’ kamarti, li dejjem kien ikun magħluq.
Smajt is-serratura tal-bieb ta’ barra tinfetaħ.
Ħoss ta’ xi ħadd dieħel!
Żgur hu!
Żgur missieri!
Kien għadu ħaj!
Ma kien ġralu xejn!
“Papà!” bdejt ngħajjat, hekk kif poġġejt idi fuq il-pum ta’ kamarti.
Bdejt nipprova ndawwar il-pum. Iżda donnu kien imwaħħal u ma setax jinfetaħ!
“Mamà!” bdejt ngħajjat.
Kif ma stajtx niftaħ?
Ommi ma bdietx tweġibni. Bdejt inħabbat fuq il-bieb iżda ma riedx jinfetaħ!
Imbagħad smajt il-passi deħlin aktar ‘il ġewwa.
Smajt leħen missieri. Leħen ommi.
“Mia?” staqsieha missieri.
Waqaft nitħabat mal-bieb.
Ridt ngħajjatlu iżda leħni ma sibtux.
Stennejt ftit. Issa kienet se tgħidlu li kont qiegħda hawn ġew u kienu se jiġu jiftħuli żgur!
Imbagħad smajt lil ommi tibki. Lanqas weġbitu.
Rajt il-pum tal-bieb ta’ kamarti jdur bilmod.
“Ridt niżfen il-valz magħha……..” beda jgħid missieri hekk kif tfaċċaw it-tnejn li huma fil-bieb.
Rajthom hemm quddiemi.
Hemm barra kienet għadha x-xita. Kienet ilha nieżla ġimgħa sħiħa. Kienet naddfet kollox. Naddfet il-kruha li kienet ħalliet warajha l-gwerra.
U fl-aħħar attakk kienu mietu ħafna nies. Ħafna ismijiet li llum ħadd minnhom m’għadu jissemma. U waħda minnhom kont jiena………….
Jiena Mia. Vittma tal-gwerra.
“Irrid niżfen il-valz magħha,” qal missierha, hekk kif daħal f’kamritha, ġera lejn is-sodda tagħha u beda jgħannaq l-imħadda u jibki.
“Il-passi għadni niftakarhom………” weġbitu. “Bqajt nipprattikahom……..papà!”
Iżda ħadd minnhom ma semagħha. Leħinha ntilef mar-riħ, mal-isħab. Mad-dawl.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks