Għandi rabja enormi fija, id-dinja kollha batiet u sa ċertu punt għadna taħt l-effett tal-pandemija tal-Covid. Il-virus tal-Covid ġie fuqna għallarieda u ma kien tort ta’ ħadd. Imma issa, din tal-gwerra ħoloqha il-bniedem.

Possibbli qiegħdin fis-sena 2022 u għadna nisimgħu bil-kefrija u l-ħruxija tal-gwerra? Kif il-bniedem ma jitgħallimx mill-passat u l-istorja tiegħu stess? Il-ġenn ta’ persuna waħda titfa’ lil kulħadd f’baħar ta’ nkwiet u miżerja.

Fuq il-midja soċjali qed jiċċirkolaw għadd ta’ ritratti u posts li lanqas inkun niflaħ narahom għax jaqsmuli qalbi u jġibuli ħniena kbira. Nibda ngħid u nirrifletti, jien x’għandi aktar u x’għamilt aħjar minn dawn in-nies Ukreni u r-Russi ukoll, biex ħaqqni ngħix f’pajjiż relattivament kwiet u fil-paċi fil-kumdità ta’ dari ma’ familti?

Xejn m’għamilt, biex ħaqqni dan kollu, sempliċiment kont furtunata biżżejjed li twelidt hawn Malta.

Dan kollu jagħmilni aktar konxja ta’ kemm għandi nkun grata għal dak kollu li għandi. Mhux biss inkun grata, imma nimxi pass oltre minn hekk u napprezza dak li qabel kont nieħdu forgranted. Forsi dan li għadni kif għidt jinstema’ cliche imma hu fatt magħruf li dak kollu li għandi mhuwiex dritt tiegħi imma hu biss rigal li rrid ngħożż għax jista’ jkun li nitilfu minn mument għall-ieħor.

B’dan il-ħsieb f’moħħi u f’qalbi nasal biex ngħix ħajja ħielsa miegħi nnifsi u mal-oħrajn. Għax ikun kollu inutli li noqgħod nitlob għall-poplu Ukren, mingħajr ma nfittex il-vera paċi jien l-ewwel!

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks