Select Page

Bħal dejjem, l-ikel huwa parti integrali mill-kultura u t-tradizzjoni Maltija, u r-Randan mhux eċċezzjoni fejn jidħol l-ikel!

Ħafna jistennew bil-ħerqa l-ikel tradizzjonali ta’ matul dan il-perjodu. Veru li dan jikkontradixxi xi ftit ir-raġuni tar-Randan, li hu astinenza u sagrifiċċju….imma ma nkunux Maltin li kieku ma nsibux mod kif xorta ngawdu ikel tajjeb!

L-ikel tradizzjonali Malti għal żmien ir-Randan jinkludi qagħaq tal-Appostli, torta tal-irkotta, qaqoċċ mimli, bebbux, pastizzi tal-inċova, qassatat tal-ispinaċi, u ħut fost oħrajn.

Għalkemm il-ħelu jmur kontra r-regoli tas-sawm, xorta nsibu kif indeffsu xi ħaġa ħelwa!

Dawn il-ħelu huma “permessi” matul dan iż-żmien tas-sena, peress li ma fihom l-ebda zokkor, iżda huma magħmulin bil-lewż, għasel, ħalib, dqiq u ħwawar. Xi ħelu tradizzjonali huma kwarezimal, qassatat tal-ħelu, u karamelli.

F’partijiet oħra tad-dinja, ħafna pajjiżi għandhom ukoll it-tradizzjonijiet interessanti tagħhom matul ir-Randan!

Għad-Daniżi l-aħħar xalar qabel ir-Randan jissejjaħ “Fastelavn” u jikkonsisti fl-ikel ta’ numru kbir ta’ għaġina mimlija bil-ġamm. Għat-tfal għandhom ukoll l-użanza li jħabbtu fuq barmil mimli ħelu sakemm jifqgħuh. It-tfal li jiftħuh b’suċċess huma ddikjarati “Cat King” u “Cat Queen.” Dan għaliex qabel il-ħelu, il-barmil kien ikun fih qattus ħaj!!

F’Oaxaca, fil-Messiku, l-aħħar Ġimgħa tar-Randan tiġi osservata min-nies billi jippreparaw aguas frescas (ilma frisk) u ġelat u jagħtuhom lil dawk li jkunu għaddejjin, f’ġieħ il-mara Samaritana li tat l-ilma lil Ġesù fi triqtu lura lejn il-Galilija.

Fil-Ġermanja, il-Ħamis Imqaddes huwa magħruf bħala “Ħamis l-Aħdar” u jittiekel biss ikel aħdar. Kif ukoll, siġar qodma tal-Milied jinħarqu biex jilqgħu kemm ir-Randan kif ukoll ir-rebbiegħa.

Fl-Iżvezja t-tfal jilbsu ta’ sħaħar nhar il-Ħamis il-Qaddis u jingħataw Bajd tal-Għid u ħelu!!

Kont taf li l-Gżejjer Brittaniċi għandhom tradizzjoni famuża għal żmien twil tar-Randan li jieklu l-hot cross buns? L-immarkar tas-salib fuq il-bun jissimbolizza t-tislib ta’ Ġesù, filwaqt li l-ħwawar fl-għaġina jirrappreżentaw l-ibalzmar tiegħu.

Fil-Greċja jiċċelebraw “Kathari Thetera,” jew it-Tnejn in-Nadif, li jibda l-istaġun tar-Randan. Il-familji jgawdu l-ġurnata f’bajjiet jew fil-kampanja, ħafna drabi jtajru tajriet forma ta’ salib.

Nhar is-Sibt Imqaddes in-nies tal-Polonja jġibu l-ikel li se jieklu f’Ħadd il-Għid għat-tberik tal-qfief. Oġġetti komuni huma ħobż, bajd, perżut, kielbasa, butir, ġobon, ħaruf, u kejk moħmi f’forma ta’ ħaruf.

L-aħħar Ħamis tal-karnival jissejjaħ ”Fat Thursday” u l-Pollakki jieklu ħafna donuts (pączki) f’dan il-jum.

Fl-aħħar ġurnata tal karnival jittieklu l-aringi bħala tħabbir li ġej ir-Randan.

Nhar il-Ħamis il-Qaddis, f’ħafna parroċċi Spanjoli, minbarra l-ħasil tradizzjonali tas-saqajn, issir it-tberik ta’ ħobż speċjali msejjaħ pan bendito (“ħobż imbierek”), li mbagħad jitqassam wara l-Quddies biex jinqasam ma’ dawk li huma morda jew inkella ma jistgħux jattendu l-liturġija.

Kwaresma tfisser ir-Randan fil-Filippini. Għall-biċċa l-kbira tar-Randan, l-ibliet huma kwieti, tant li l-istazzjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju jieqfu għal kollox u l-ebda ħsejjes qawwija jew xi ħaġa ta’ festa ma huma permessi. Kattoliċi devoti ħafna jagħmlu dieta kompletament likwida.

Forsi kultant għandna bżonn bidla mid-drawwiet normali tagħna ta’ kuljum!

It-tradizzjonijiet jistgħu jkunu mod tassew tajjeb biex jaffettwaw dan. Għandna vaganzi biex nenfasizzaw li xi ħaġa hija differenti milli hi fil-bqija tal-jiem.

Meta nsegwu r-Randan b’mod simboliku jista’ jkun biex sempliċement infakkru lilna nfusna li għandna aktar milli neħtieġu, li aħna aktar b’saħħitna milli nemmnu li aħna, u li nistgħu nagħmlu aktar b’inqas.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks