Ftit qabel ma sar il-kollegament mal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola indirizzat il-plenarja tal-Parlament Ewropew fejn fiha ġiet diskussa l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.
“F’isem il-Parlament Ewropew, nikkundanna l-aggressjoni tal-militar Russu kontra l-Ukrajna fl-aktar termini b’saħħithom possibbli u nesprimi s-solidarjeta tiegħi ma’ dawk kollha li qed ibatu u dawk kollha maqtula.”
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola
Hija qalet li l-Ewropa mhijiex se tħares in-naħa l-oħra meta dawk li qed jiġġieldu fit-toroq għall-valuri jiffaċċjaw lil Putin. Saħqet li l-Ewropa se żżommu responsabbli bħalma żżomm lil Lukashenko.
Żiedet tgħid li bħalissa l-Ewropa, li ħafna taw biex tkun dik li hi, qed tiffaċċja theddida. Qalet ukoll li l-Ewropa tinsab lesta biex tmur lil hinn minn dak li diġà għamlet s’issa.
Filwaqt li qalet li l-UE tilqa’ l-applikazzjoni għas-sħubija tal-Ukrajna u se taħdem lejn dak l-għan, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola assigurat lill-President tal-Ukrajna li l-Ukrajna għandha l-appoġġ kollu tal-UE.
“Sur President, aħna qegħdin miegħek fil-ġlieda tiegħek għas-sopravivenza, f’dan il-mument ta’ dlam fl-istorja tagħna. Meta tħares lejn il-Parlament Ewropew, se ssib alleat, spazju biex tindirizza l-Ewropa u d-dinja, u dejjem, dejjem ħabib.”
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola
Metsola kkonkludiet id-diskors tagħha billi semmiet erba’ prinċipji li hija saħqet li huma importanti għall-futur tal-Ewropa.
Fost oħrajn hija qalet li l-Ewropa ma tistax tibqa’ tiddependi fuq il-gass tal-Kremlin u li ma tistax tilqa’ aktar flus kontanti tal-Kremlin u tippretendi li m’hemmx irbit.
Il-President Metsola saħqet ukoll li ma nistgħux inbiegħu aktar passaporti lill-ħbieb ta’ Putin u li l-Ewropa trid taħdem biex ikollha Unjoni ta’ sigurtà u difiża reali.
This is Europe’s whatever it takes moment. Mr President, we stand with you. When you look to the @Europarl_EN you will find an ally and always, always a friend.
Watch my speech with Ukraine President @ZelenskyyUa during today’s #EPlenary on Russian aggression against #Ukraine. pic.twitter.com/WEISM1WQVq
— Roberta Metsola (@EP_President) March 1, 2022
