Bdejna xahar ieħor, ix-xahar ta’ Marzu. Wieħed minn dawk ix-xhur li ħafna jkunu qed jistennew, partikolarment dawk li ma jħobbux ix-xitwa, għaliex huwa x-xahar li fih tibda r-rebbiegħa u t-temp jibda jaqleb aktar għal ġranet aktar xemxin u b’temperaturi aktar sħan.
Dan ix-xahar huwa wieħed partikolarment mimli aktar mis-soltu għalina l-Maltin, għaliex minbarra l-attivitajiet u t-tradizzjonijiet li jkollna marbuta mar-Randan, il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir, bħalissa għaddejja kampanja elettorali li se twassalna għall-elezzjoni ġenerali nhar is-Sibt 26 ta’ Marzu.
Naturalment, il-battibekki ma jonqsux f’dan iż-żmien, minkejja li għal uħud li jsegwu r-reliġjon Kattolika, iż-żmien tar-Randan u l-Ġimgħa l-Kbira huwa meqjus bħala żmien qaddis.
Sfortunatament, bħalissa d-dinja, partikolarment l-Ewropa u aktar l-Ukrajna kif ukoll bosta Russi, għaddejjin minn perjodu diffiċli ħafna. Wieħed jittama li dan ix-xahar iġib ukoll it-tmiem ta’ din il-gwerra li kuljum qiegħda tiħrax u tħalli ħafna vittmi innoċenti.
Bħal kull xahar ieħor, skoprejna xi kurżitajiet u fatti interessanti dwar ix-xahar ta’ Marzu:
Fil-kalendarji Rumani antiki, sena kienet tkun twila għaxar xhur, tibda f’Marzu u tispiċċa f’Diċembru.
Il-fjura sinonima ma’ dan ix-xahar hija d-daffodil.
Il-birthstones ta’ Marzu huma l-akwamarina u l-bloodstone, li jissimbolizzaw il-kuraġġ.
Marzu huwa l-ewwel xahar tar-rebbiegħa, li tibda bejn id-19 u l-21.
Kull sena, Marzu u Ġunju jispiċċaw fl-istess jum tal-ġimgħa.
Marzu huwa ż-żmien tas-sena meta l-annimali jibdew iqumu mill-ibernazzjoni.
L-isem ta’ Marzu ġej minn Mars, l-alla Ruman tal-gwerra. Kien imsemmi hekk kemm fil-kalendarju Ġiljan u anke dak Gregorjan.
L-Anglosassoni kienu jsejħulu bħala “Hlyd monath”, li tfisser “xahar ta’ maltemp”.
Wieħed mill-pjattaformi popolari tal-midja soċjali Twitter ġie mniedi fil-21 ta’ Marzu tal-2006, bl-ewwel tweet li ġiet imtella’ fl-istess jum. It-tweet kienet imtella’ mill-fundatur, Jack Dorsey, u kienet tgħid “qiegħed biss nissettja twttr tiegħi.”
Jum San Patrizju jseħħ fis-17 ta’ Marzu, iċċelebrat f’ħafna pajjiżi tal-Punent biex ifakkar il-jum li fih miet San Patrizju.
Ħadd il-Għid hija festa popolari oħra ta’ dan ix-xahar. Oriġinarjament osservata mill-Insaea biex tiċċelebra l-qawmien ta’ Ġesù Kristu, issa saret festa li tinvolvi l-egg hunting, il-ħelu u l-fenek tal-Għid.
Lura fl-antik, Marzu kien ix-xahar li fih jerġgħu jibdew il-kampanja militari li kienu jkunu ġew sospiżi għax-xitwa.
Fl-10 ta’ Marzu, 1876, Alexander Graham Bell għamel l-ewwel telefonata li qatt saret. Kienet lill-assistent tiegħu u qallu “Sur Watson, ejja hawn. Irrid narak.”
It-torri Eiffel tela’ għall-ewwel darba. Eiffel innifsu mexxa grupp ta’ uffiċjali tal-gvern u ġurnalisti sa fuq nett. Il-liftijiet kienu għadhom ma jaħdmux, għalhekk kellhom jagħmlu dan bil-mixi u damu aktar minn siegħa!
Il-President John F. Kennedy waqqaf il-Korp tal-Paċi fl-1 ta’ Marzu tal-1961. Hija organizzazzjoni ta’ volontarjat li minn dak iż-żmien bagħtet mill-inqas 235,000 Amerikan f’pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jgħinu fil-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u bżonnijiet umani oħra.
Xi jfisser għalik ix-xahar ta’ Marzu?
