Lili jolqotni ħafna l-fatt kif nagħmlu l-ħames t’ijiem tal-Karnival nieklu kemm nifilħu prinjolati, perlini u kull tip ta’ ħelu ieħor, imbagħad jiġi Ras ir-Randan u bħal nagħfsu s-swiċċ u ma nieklu xejn, biex insumu ċioè biex nagħmlu d-dieta u s-sawm jintuża biss bħala skuża konvenjenti.
Mela, Alla għandu bżonn is-sawm tagħna? Għandna tant tbatijiet, għalfejn għandna nżidu t-tbatija u ngħakksu lilna nfusna bis-sawm ukoll? Is-sawm ma jagħmilx sens, għax Alla ma jridniex inbatu. Dawn il-frażijiet kollha jagħmlu sens u huwa minnu wkoll li Alla ma jridniex inbatu.
Imma donna ninsew u tonqosna ħaġa importanti ħafna llum li fl-opinjoni tiegħi hi essenzjali biex nifhmu s-sens wara dak kollu li nkunu qed nagħmlu, għax inkella nispiċċaw nagħmlu kollox b’rutina, mingħajr ma nkunu kapaċi nidħlu daħla fina nfusna u nipprofondixxu dak li qed nagħmlu.
Jien inħoss li s-sawm neħħejnielu u nneħħulu s-sinifikat tiegħu, meta nagħżlu li ma niklux biss u s-sagrifiċċju tagħna jkun li noqogħdu nisimgħu l-istonku jgorr bil-ġuħ!
Meta naqtgħu u naraw is-sawm għalih waħdu dan jitlef l-iskop kollu tiegħu. Biex jagħmel sens u ntuh is-sinifikat li ħaqqu, is-sawm irridu narawh fil-kuntest mat-talb u l-karità. Flimkien ma’ dawn it-tnejn, is-sawm irid ikun mezz biex iqarribna lejn Alla. Meta nsumu, irridu nirriflettu li neħtieġu lil Alla, anke fl-aspett uman tagħna. Dak il-vojt li nħossu fina hu indikazzjoni ċara li lil Alla neħtieġuh u rridu npoġġuh fiċ-ċentru tal-umanità tagħna wkoll, mhux fl-aspett spiritwali biss.
Fl-aħħar mill-aħħar, it-taħriġ fis-sawm, it-talb u l-karità huwa mekkaniżmu eċċellenti, biex partikolarment f’dan iż-żmien Mqaddes tar-randan, aħna l-insara nsiru nies aktar umani mmexxijin mill-ispirtu u l-imħabba t’Alla fina.

Kontributriċi