L-aġenzija Community Malta, Identity Malta u Residency Malta ssospendew l-iskema tal-passaporti għall-applikanti tar-Russja u l-Belarussja.

Dan tħabbar fi stqarrija mis-Segretarjat għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet.

Fl-istqarrija ntqal li l-entitajiet qed isegwu mill-qrib is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, ir-Russja u l-Belarussja. Intqal ukoll li minn analiżi li saret ħareġ li l-ebda benefiċjarju ta’ kwalunkwe status, relatat mal-għoti taċ-ċittadinanza jew tar-residenza, ma jinsab fil-lista tas-sanzjonijiet tal-UE. Bl-istess mod, l-ebda applikazzjoni minn individwi fuq il-lista tas-sanzjonijiet tal-UE mhi attwalment fil-proċess.

Il-proċess ta’ diliġenza solvuta li għaddej bħalissa jiżgura li jiġu identifikati individwi li jidhru fuq il-listi ta’ sanzjonijiet minn żmien għal żmien. F’dawn il-każijiet, l-aġenziji għandhom japplikaw il-proċessi kollha previsti mil-liġi biex jirrevokaw kwalunkwe status li jistgħu jingħataw.

Fid-dawl ta’ żviluppi riċenti, il-proċessi ta’ diliġenza solvuta eżistenti ma jistgħux jitwettqu b’mod effettiv fix-xenarju attwali, u kien proprju għalhekk li l-iskema ġiet sospiża.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks