Fid-dawl tal-akbar gwerra minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, l-Unjoni Ewropea qablet li tpoġġi fis-seħħ direttiva li qatt ma ntużat qabel biex tagħti protezzjoni temporanja lill-Ukreni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari mill-Forzi Russi.
Skont l-aġenzija tar-refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti, aktar minn miljun Ukren ħarbu mill-pajjiż minn meta bdiet l-invażjoni tar-Russja ġimgħa ilu.
Il-maġġoranxa kbira ta’ dawn in-nies eżiljati waslu f’pajjiżi tal-UE, bil-Polonja tirreġistra aktar minn nofs miljun refuġjat Ukren u l-Ungerija aktar minn 130,000.
Għalhekk, is-27 stat membru qablu li jpoġġu fis-seħħ għall-ewwel darba, direttiva li nħolqot fl-2001 u li hija mfassla biex tipprovdi assistenza u protezzjoni immedjata lir-refuġjati tal-gwerra.
Id-direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja tevita l-proċedura tal-ażil tradizzjonali u twitti triq ħafna aktar faċli għall-aċċesz għall-protezzjoni madwar l-UE.
B’din id-direttiva, ir-refuġjati Ukreni se jingħataw permessi ta’ residenza biex joqogħdu f’pajjiżi tal-UE għal mill-inqas sena, perjodu li jiġi estiż awtomatikament għal sena oħra.
L-Istati Membri mbagħad jistgħu jiddeċiedu li jtawlu l-miżura b’sena oħra jekk il-gwerra tkompli teqred il-pajjiż.
Għalkemm l-Ukrajna mhix parti miż-żona Schengen, li jippermetti li wieħed jista’ jivvjaġġa mingħajr passaport, iċ-ċittadini tagħha huma intitolati għall-ivjaġġar mingħajr viża sa 90 jum.
L-iskema tal-EU għandha l-ħsieb li toffri soluzzjoni dejjiema ladarba l-limiti ta’ 90 jum ikun intlaħaq
Wara laqgħa fi Brussell aktar kmieni llum, il-ministri nazzjonali laħqu ftehim unanimu biex imexxu u jattivaw id-direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja. Il-liġi de tidħol fis-seħħ ladarba l-proposta tiġi adottata formalment mill-kunsill, pass li huwa mistenni jsir fil-jiem li ġejjin.
Il-protezzjoni tibda tingħata immedjatament wara l-adozzjoni.
