L-eks plejer professjonali tat-tennis Ukren, Sergiy Stakhovsky, ħalla lill-familja tiegħu biex imur jiġġieled u jiddefendi lill-pajjiżu kontra r-Russja.
Huwa qal li ddeċieda li jmur lura pajjiżu għax jixtieq li jibqa’ fuq il-mappa, u jkollu storja xi jgħid lit-tfal tiegħu.
Stakhovsky u martu ma qalux lit-tlett itfal żgħar tagħhom fejn kien sejjer, iżda qal li jaħseb li jistgħu jsiru jafu jew jassumu.
Huwa qal li ma kinitx deċiżjoni faċli iżda li kieku baqa’ d-dar kien iħossu ħati li ma marx lura u m’għamilx il-parti tiegħu. Madankollu, huwa stqarr li issa li qiegħed f’pajjiżu, iħossu ħati li ħallihom warajh.
L-eks plejer tat-tennis qal li huwa twieled l-Ukrajna u għandu n-nanniet midfuna hemm. Żied jgħid li jixtieq li jkollu storja x’jgħid lit-tfal tiegħu. Qal li kieku l-Ukrajna tfalli u titlef il-gwerra, l-Ukrajna ma tibqax teżisti, lanqas fil-kotba tal-istorja.
Stakhovsky qal li kellu taħriġ militari bażiku u li nies bħalu se jkunu l-aħħar għażla.
Meta mistoqsi jekk kienx lest jissagrifika ħajtu għal pajjiżu huwa qal li m’għandux tweġiba diretta għaliha. Żied jgħid li ma jaħsibx li hemm individwu li lest li jgħid issa jekk hux lest li jissagrifika ħajtu. Qal li hu żgur, li jrid jerġa’ jara lil uliedu u lil martu, u li dak huwa l-għan tiegħu iżda f’mument partikolari ħadd ma jaf x’jista’ jiġri.
