Select Page

Nhar il-Ġimgħa l-4 ta’ Marzu, fit-8 ta’ filgħaxija, se tittella’ wirja oħra kollettiva tal-arti ġewwa Art by the Seaside, l-Isla. Xejn anqas minn 17-il artist jirrakkuntaw permezz tal-arti tagħhom li tvarja minn pitturi, għal skulturi u fotografija, dak illi huwa kemxejn diffiċli għal kull wieħed u waħda minna illi nesprimu, u ċioè dawk il-ħwejjeġ illi jħassbuna, jemozzjonawna, idejquna, ifejquna, ifarrġuna, idewwuna, iferrħuna, isalvawna u fl-aħħar nett jidderiġuna fl-għemil tagħna.

Ix-xogħlijiet tal-artisti li se jintwerew f’din il-wirja huma riżultat ta’ introspezzjoni profonda illi jqanqlu ħsibijiet u emozzjonijiet lil min jarahom. It-tema ta’ din il-wirja hija fil-fatt “Reflections and Shadows of the Soul – An introspective experience”. Ir-ruħ tinsab fiċ-ċentru ta’ din il-wirja iżda r-riflessjonijiet u d-dellijiet illi jagħtuha kull wieħed u waħda mill-artisti fix-xogħlijiet tagħhom juri biċ-ċar kemm is-subkonxju tagħna jista’ jvarja u jitbiddel minn żmien għal żmien.

Minn Rosette Sciriha

Din il-wirja titfa’ dawl fuq il-versatilità tas-suġġett, b’xogħlijiet figurattivi u astratti mimlija emozzjonijiet, u jgħinuna nersqu aktar qrib lejn dak illi huwa akbar minn dak illi qatt nistgħu nifhmu, u forsi jtaffi l-biża’ ta’ dak illi jinsab lil hinn miż-żmien.

Id-dettalji tal-artisti, min rinomati, min emerġenti u min ukoll eżordjenti, tistgħu ssibuhom minn fuq il-paġna ta’ facebook ta’ Art by the Seaside jew fuq Instagram artbytheseaside57.

Minn Maria Cutajar

Il-pubbliku huwa mistieden iżur din il-wirja kollettiva mill-Ġimgħa l-4 ta’ Marzu sal-Ġimgħa t-18 ta’ Marzu, ġewwa Art by The Seaside, 65, Tiq il-Mina tax-Xatt, l-Isla.

Għall-ħinijiet tal-ftuħ, żur il-paġna ta’ Facebook ta’ Art by the Seaside jew fuq Instagram.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks