Permezz ta’ post fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Konrad Mizzi għadda messaġġ li juri li mhuwiex se jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni.
Fil-post huwa qal li jinsab grat tal-opportunità li ngħata, kif ukoll li kienet esperjenza sabiħa li skont hu fiha ġabret 9 snin ta’ ħidma, riżultati, diffikultajiet u tagħlim.
Huwa semma li kellu ħafna attakki matul dawn is-snin iżda qal li l-appoġġ tan-nies għenu biex jibqa’ għaddej. Żied jgħid li jinsab ċert li biż-żmien il-verità kollha toħroġ.
Mizzi qal li l-prijoritajiet tal-2022 u tal-futur mhumiex l-istess bħal dawk tal-2013 u qal li jinsab ċert li l-Partit Laburista se jkun fuq quddiem bi proġetti ġodda.
Kumment li spikka fil-messaġġ tiegħu kien dak fejn qal li matul dawn l-aħħar sentejn kellu l-opportunità li jitgħallem ipoġġi lil Alla fiċ-ċentru ta’ ħajtu u qal li jawgura li aktar u aktar nies jersqu lejn il-fidi.
“Tul dawn l-aħħar sentejn kelli l-opportunità li nitgħallem inpoġġi lil Alla fiċ-ċentru ta’ ħajti. Din hija ħaġa sabiħa li tagħtini l-paċi. Nawgura li aktar u aktar nies jersqu lejn il-fidi.”
Konrad Mizzi
