Ħarist lura lejn il-kuritur l-abjad.
Il-ħsejjes familjari.
Ir-riħa li tant kont drajt.
Il-passi taż-żraben tal-gwardjani jtektku ġo moħħi.
Kien kollox għadu frisk ġo moħħi.
Qisu lbieraħ.
Qisu hawn ġew iż-żmien lanqas biss kien għadda.
“Trevor! Mela trid tibqa’ hawn ġew?” smajt leħen il-gwardjan ta’ maġenbi, jaqtagħni minn ġewwa.
Kienu għaddew ħamsa u għoxrin sena.
Magħluq bejn dawn l-erba’ ħitan.
Kont għaddejt l-isbaħ żmien ta’ ħajti hawn.
Hawn ġew bħal eremit.
Kienu ħammġuli unuri.
Kienu ċaħħduni minn dak kollu li kont inħobb nagħmel.
Minħabba lejl wieħed.
Lejl li jiena lanqas biss kont naf eżatt x’kien ġara fih.
Dak il-lejl misħut fejn kont ħriġt ma’ ħija Jonas u l-oħrajn.
U skont il-pulizija, dak il-lejl stess kien instab mejjet wieħed li jiena qajla kien jimpurtani minnu.
Eżamijiet forensiċi.
Dawk tossoloġiċi.
Xhieda.
Provi.
Kollox kien ġie kontrija.
Għadni niftakar kollox qisu kien ilbieraħ.
“Trevor, inti tinsab akkużat fuq il-qtil brutali ta’ Kevin Gauci mill-Mosta………” leħen l-ispettur kien għadu frisk ġo moħħi qisu kien jiġi fiċ-ċella ħdejja u joqgħod jgħidhieli kuljum biex jinkini. Biex iweġġagħni.
Imma kont naf…………
Kont naf li x’aktarx mhux jien kont.
Ippruvajt infehmhom li jiena kont xurban.
Li ma kont naf xejn x’kien ġara.
Kont daħna.
Żibel.
Ma kontx rajt art dak il-lejl faħxi.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks