Tifel minn Zaporizhzhia, ix-Xlokk tal-Ukrajna, ġie msejjaħ bħala eroj mill-awtoritajiet Slovakki wara li qalu li qasam il-fruntiera tal-Ukrajna lejn is-Slovakkja waħdu.

It-tifel ta 11-il sena kien qed iġorr backpack, basket tal-plastik u passaport, u kellu numru tat-telefown miktub fuq idu, skont il-Ministeru tal-Intern Slovakk.

Il-Ministeru qal li t-tifel mar waħdu għax il-ġenituri kellhom jibqgħu l-Ukrajna. Qal ukoll li l-voluntiera ħadu ħsieb it-tifel u tawh ikel u xorb.

Fl-istqarrija, il-ministeru qal li grazzi għall-informazzjoni miktuba fuq id it-tifel u fuq biċċa karta li kienet mitwija fil-passaport tiegħu, l-istaff tal-fruntiera setgħu jagħmlu kuntatt mal-qraba tat-tifel fis-Slovakkja li mbagħad setgħu jiġu jiġbruh.

Fl-istqarrija ntqal li t-tifel ġibed is-simpatija ta’ kulħadd bit-tbissima u d-determinazzjoni tiegħu. Mhux ċar għaliex it-tifel ma kienx akkumpanjat.

Skont in-NU, aktar minn 1.2 miljun refuġjat telqu mill-Ukrajna mill-24 ta’ Frar. Mill-1,209,976 refuġjat li ħarbu, il-maġġoranza tagħhom, 53.7% qasmu lejn il-Polonja.

Oħrajn marru f’pajjiżi fosthom l-Ungerija, is-Slovakkja, il-Moldova u r-Rumanija.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks